Il-Fondazzjoni iDEAT se tkun qed torganizza għal darba oħra l-kors politiku għal dawk kollha interessati li jieħdu sehem.
Dak li qabel kien magħruf bħala l-YouProgress, issa ħa xejra kemmxejn differenti u se jkun qed jissejjaħ, ‘An introduction to politics, A comprehensive course in political and international studies’.
Dan il-kors ikopri ħafna suġġetti marbuta mal-politika fosthom kif taħdem is-sistema parlamentari Maltija, dik Ewropea u Internazzjoni, il-komunikazzjoni effettiva, il-politiika ambjentali u ekonomika fost temi oħra.
Dan il-kors se jkun maqsum f’disa sessjonijiet li kollha jsiru nhar ta’ Sibt u se jibdew mis-17 ta’ Ottubru li ġej.
Is-sessjonijiet se jkunu mmexxija min-numru ta’ persuni li jaħdmu b’mod dirett fis-settur u għaldaqstant dan il-kors se jkollu kemm aspetti teoretiċi u prattiċi.
Dawk kollha li huma interessati sabiex japplikaw għal dan il-kors jistgħu jidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Fondazzjoni iDEAT jew billi jużaw din il-ħolqa: https://bit.ly/331Wr4f jew billi jċemplu fuq 21249900.
F’kumment qasir, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni iDEAT Elaine Degiorgio saħqet li dan il-kors, li għalih kull sena jattendu bosta persuni, jgħin mhux ftit lil dawk kollha li mhux biss tinteressahom il-politika, iżda anke lil dawk li għandhom huma stess aspirazzjonijiet li xi darba jidħlu fix-xena politika.
Dr Degiorgio appellat sabiex dawk interessati jinkitbu għal dan il-kors organizzat mill-Fondazzjoni iDEAT, speċjalment dawk li għandhom għal qalbhom il-politika.
Il-postijiet huma limitati. Waqt dan il-kors se jkunu qed jittieħdu l-mizuri kollha ta’ prewkazzjoni.