L-għan tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni fil-Korp tal-Pulizija hu li l-Korp ikun dejjem aktar viċin in- nies.
Dan qalu l-Professur Saviour Formosa li huwa parti mill-Bord tal-Gvernaturi ta’ din l-istrateġija, l-għada li tħabbret ir-riforma fil-Korp tal-Pulizija.
Din l-istrateġija ta’ ħames snin għandha tliet prinċipji strateġiċi msejsa fuq ħdax-il mira, b’disgħa u erbgħin azzjoni.
Wieħed mill-prinċipji li qed tiffoka din l-istrateġija hija li l-korp jikseb il-fiduċja tan-nies, għaliex din hija importanti għall-Korp tal-Pulizija.
Spjega kif “L-iskop attwali ta’ dan huwa li l-Korp jinbidel f’servizz, servizz għal komunità, jiġifieri hija anke l-kunċett differenti, minn forza għal servizz lejn il-komunità. Għax waħda mill-issues li bħalissa għandha l-korp huwa l-fiduċja, it-trust. Għalkemm il-crimes baqgħu neżlin f’dawn l-aħħar tliet snin, b’10% niżlu drastikament, it-trust niżlet ukoll”
Il-Professur Formosa qal ukoll li -istrateġija se tara li l-amministrazzjoni fil-Korp tal-Pulizija taħdem b’aktar effettività.
Qal ukoll li l-korp jista jkun viċin tas-soċjetà billi jkun hemm għarfien permezz ta’ mezzi bħat-teknoloġija.
Qal li “Il-korp ftit ftit qed jibda jersaq lejn għarfien iktar ta x’hemm hemm barra, ħalli imbagħad natrattaw ukoll ċittadini jaħdmu ġo fih, is-civilisation, jiġifieri jkun hemm ċertu roles, joħduhom jew entatijiet oħra jew iċ-ċivil, ħalli inti jkollok aktar pulizija fit-triq għax l-iskop huwa li jkollna aktar pulizija, li n-nies jarawhom viswalment”
Din l-istrateġija tħabret ftit tax-xhur wara li laħaq il-Kummissarju tal-Pulizija ġdid, Angelo Gafà, li laħaq b’sejħa pubblika mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Din eventwalment ressqet żewġ kandidati quddiem il-Kabinett, b’Gafà jiġi skrutinizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.