Il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Peter Fenech ġie rappurtat jikkundanna lill-kamp ta’ Bernard Grech talli l-kamp ta’ Grech kellem lill-ġurnalista tax-xandir nazzjonali Ruth Amaira dwar id-dibattitu ta’ nhar it-Tnejn li ġej bejn iż-żewġ kandidati għat-tmexxija Nazzjonalista.
Is-sitt Illum irrapporta li Fenech ikkonferma li xi ħadd mit-tim ta’ Grech kellem lil Amaira u saħaq li dan ma kellux isir u kellha tkun il-Kummissjoni Elettorali tal-partit li tavża lill-ġurnalista jekk tixtieqx tmexxi d-dibattitu bejn iż-żewġ kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Ilbieraħ il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia akkuża lit-tim ta’ Bernard Grech li avviċina ġurnalista tax-xandir nazzjonali sabiex jinfluwenza dibattitu li ser isir bejn iż-żewġ kandidati.
Fi stqarrija uffiċjali, Delia beda billi spjega li t-tim ta’ Bernard Grech irreżista bil-qawwa biex ma jsirx dibattitu fil-kampanja tal-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnekk Delia fetħilha bil-qawwa kontra l-kandidat ta’ kontrih hekk kif akkuża lit-tim ta’ Bernard Grech li avviċina lil Amaira sabiex jipprova jinfluwenzaha.
Delia kkundanna l-aġir ta’ Bernard Grech, li wassal sabiex il-ġurnalisti ma jitħallewx fil-libertà jwettqu xogħlhom mingħajr indħil.
Intant Bernard Grech ċaħad l-akkużi ta’ Delia u qal li ma kien hemm ebda tip ta’ pressjoni fuq xi ġurnalista.
Madankollu qal li kien hemm kuntatt mil-kamp ta’ Grech ma’ Amaira.
Ilbieraħ ukoll, fi stqarrija, l-istazzjon nazzjonali qal li filwaqt li Ruth Amaira ġie avviċinata biex tmexxi dibattitu hija qatt ma kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha f’dan id-dibattitu.