Fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidat għal kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li pajjiżna mhux xi karozza tal-linja meta mistoqsi għaliex hu mhux isostni li pajjiżna hu mimli u ma jiflaħx iġorr iżjed waħdu l-piż tal-immigrazzjoni.
Qal “Għad-domanda jekk Malta hix full up ir-risposta tiegħi kienet mela aħna karozza tal-linja”
F’jum li segwa ġimgħat sħaħ ta’ avvenimenti fejn il-Gvern Malti evita numru ta’ wasliet u waqqaf id-dħul ta’ mijiet t’immigranti minn vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi, Bernard Grech baqa’ jżomm mal-pożizzjoni tiegħu dwar is-suġġett.
Qal “Għandna obbligu li nintervjenu u meta tgħid li full up x’qed jgħid il-PM?”
Grech baqa’ jgħid li jekk hemm soluzzjoni din hi mal-Unjoni Ewropea u ma rrikonoxxa l-ebda ħidma li saret mill-Gvern mal-Libja.
Intant ġurnalist tal-midja indipendenti staqsa lil Grech dwar is-saga tiegħu ma’ tat-taxxa u tal-VAT.
Dwar il-fatt li investigazzjoni dwaru wriet li kellu depożiti fil-kont bankarju tiegħu li kienu inspjegabbli, Bernard Grech qal hekk.
“Ejjew nifhmu li mhux kull avukat jaħdem bl-istess mod u kull avukat jaħdem bl-istil tiegħu”
Dwar il-fatt li hu naqas li jħallas eluf ta’ ewro dovuti f’taxxa u f’VAT għal snin twal, Bernard Grech saħaq li hemm is-sabiħ tal-istorja.
Spjega “U dak is-sabiħ ta’ din l-istorja li kien hemm konklużjoni u li allura ħareġ iċ-ċertifikat”
Grech laqa’ wkoll il-konklużjonijiet tar-rapport tad-due diligence intern li sar fuqu u fuq Delia, anki jekk ir-rapport qal ċar u tond li huwa ma tax l-istampa kollha dwaru.
Grech qal “Il-kumitat għamel id-due diligence u kieu sodisfatti biċ-ċertifikat u li s-sitwazzjoni hija magħluqa darba għal dejjem.”
Bernard Grech imbagħad fetħilha fuq Adrian Delia li kien akkużah li prova jimmanipula dibattitu bejniethom billi prova jinfluwenza ġurnalista tax-xandir pubbliku.
Iżda hawnhekk, Bernard Grech dawwar il-kanuni fuq Delia u qal li din hija akkuża mhux veritiera.
Qal “L-akkuża li xi ħadd prova jinfluwenzaha hija akkuża miċħuda u inveritiera.”