Kif jiġi identifikat każ pożittiv ġdid f’dar tal-anzjani, ir-resident li jinstab pożittiv se jkun qed jittieħed l-isptar Pawlu Boffa jew St Thomas Hospital bħala miżura interim, jew l-isptar Mater skond il-kundizzjoni tar-resident.
Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni B’Diżabilità spjega kif din il-miżura se tidħol fis-seħħ f’każ li jinstab każ pożittiv f’dar tal-anzjani li fiha bħalissa m’hemmx każijiet pożittivi.
L-istqarrija spjegat li fil-każ ta’ Dar San Ġużepp, ir-residenti li jinstabu pożittivi jew jinsabu fi kwarantina se jkunu qed jinżammu f’din id-dar u se jingħataw il-kura meħtieġa.
Dawk ir-residenti li huma negattivi għall-virus se jimxu għal Casal Nuovo fejn se jkollha sodod permezz ta-liċenzja ta’ Emerġenza mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, bil-kumplament tas-sodod se jkunu qed jiġu pprovduti mill-isptar St James.
Dawn ir-residenti se jkunu qegħdin fi kwarantina preventiva u se jiġu ttestjati kull tlett ijiem. Il-linji gwida tar-rilokazzjoni tar-residenti se jkunu qed jiġu segwiti.
Minn Ġunju sal-lum saru wkoll iżjed minn 14,500 swab fid-djar tal-anzjani, kemm għar-residenti, kif ukoll għall-istaff. Dawn ukoll se jkomplu jsiru bħala miżura preventiva.