Titnieda strateġija ta’ trasformazzjoni fil-Korp tal-Pulizija għall-ħames snin – One News

Notifiki

Titnieda strateġija ta’ trasformazzjoni fil-Korp tal-Pulizija għall-ħames snin

Ġiet imnedija strateġija ġdida għall-Korp tal-Pulizija għal dawn il-ħames snin li ġejjin. Din l-istrateġija għandha tliet priċipji strateġiċi msejsa fuq ħdax-il mira, b’disgħa u erbgħin azzjoni.

L-ewwel nett li tikber il-fiduċja tal-ħaddiema tal-korp stess fil-korp tal-pulizija u anke dik tal-komunità. It-tieni, li l-korp isir iktar flessibli u effiċjenti u li l-Pulizija tkun iffukata sabiex iġġib ir-riżultati. It-tielet għan huwa li l-korp jkompli isostni bidliet pożittivi u prattiċi effettivi fl-immaniġjar tal-korp.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega kif din l-istrateġija ser tkun imqassma fuq ħames snin bi pjanijiet t’azzjoni ċari. Huwa spjega kif il-bord tal-Gvernaturi se jkun qed jara li din l-istrateġija tkun qed tiġi mwettqa.

Spjega kif din id-darba kien il-korp tal-pulizija li ried din it-trasformazzjoni u anke rrikorra għall-fondi Ewropej sabiex anke jitwassal messaġġ barra minn xtutna li l-korp tal-pulizija Maltija qed taddatta maż-żminijiet. Qal li b’hekk issa l-Unjoni Ewropea ser tkun qed tagħmel l-iskrutinju tagħha wkoll.

Il-kumpanija rinomata Price Waterhouse Coopers assistiet sabiex tkun imfassla din l-istrateġija, bis-sehem ta’ esperti Ingliżi fil-qasam pulizjesk.

Il-Kummissarju Gafà stqarr, “Partijiet mill-istrateġija diġa bdejnieha, jiġifieri aħna tlaqna bir-restructuring tal-Korp tal-Pulizija, il-kunċetti ta’ Community Policing.  Aħna rridu nkunu Korp eqreb lejn iċ-ċittadin.  More customer centric. Tajjeb? Aħna rridu naraw kull membru tas-soċjetá, jekk hux vittma jekk hux xhud, il-pubbliku nġenerali bħala kljient tal-korp.  Tajjeb?  U daqs li kieku kumpanija privata tara x’tagħmel biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħha, aħna rridu naraw il-pubbliku.”

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, iddeskriva din l-istrateġija bħala waħda kuraġġjuża iżda fattibli. Stqarr li l-għatx għall-bidla huwa kbir u għalhekk dan il-pjan qed ikun ippreżentat quddiem il-poplu Malti u Għawdxi sabiex il-korp u kull min hu involut fit-tmexxija tal-Korp tal-pulizija, ikun kontabbli għat-twettiq ta’ din l-istrateġija.

“Din hija strateġija importanti ħafna fejn permezz tagħha rridu naraw illi jkun hemm korp aktar viċin in-nies li mbgħad jirbaħ il-fiduċja tan-nies.  Fl-istess ħin ikun hemm korp fejn ir-riżors uman ikun iktar imħarreġ, ir-riżors uman ikun aktar motivat u li anke jkun premjat għall-bżulija tiegħu.” Saħaq il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri stqarr li l-pulizija trid tkun qrib in-nies sabiex tkompli tikseb il-fiduċja tal-poplu. Hu spjega kif il-korp irid jikkomunika wkoll mal-ġurnalisti fl-interess li ssir ġustizzja, filwaqt li l-korp għandu wkoll jikkomunika fl-bliet u l-irħula man-nies tal-lokal u s-soċjetà ċivili.

Intant il-Professur Saviour Formosa, mill-Bord tal-Gvernaturi spjega kif il-pilastri tal-istrateġija l-ġdida huma l-immodernizzar tal-korp u li l-korp jitmexxa bi ħsieb ibbażat fuq l-għarfien u l-intelliġenza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend