Il-Gvern se jiftaħ l-iskejjel u l-istudenti mistennija jidħlu lura fuq medda ta’ ġimgħa mis-7 t’Ottubru – One News

Notifiki

Il-Gvern se jiftaħ l-iskejjel u l-istudenti mistennija jidħlu lura fuq medda ta’ ġimgħa mis-7 t’Ottubru

Il-Gvern se jkun qed jiftaħ l-iskejjel konformi mal-protokolli u l-miżuri iffissati u maqbula mal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika. L-istudenti huma mistennija li jibdew deħlin fl-iskejjel mill-Erbgħa 7 t’Ottubru filwaqt li kif kien diġà tħabbar l-edukaturi se jidħlu fl-iskejjel minn nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega kif ġie deċiż li t-tfal u l-istudenti tal-iskejjel tal-Istat tal-età obbligatorja, jiġifieri mill-ewwel sena fil-Primarja, ma jibdewx l-ewwel ġurnata tal-iskola kollha fl-istess jum fit-30 ta’ Settembru iżda minflok id-dħul lura fl-iskejjel jitqassam fuq medda ta’ jiem differenti, skont is-sena tagħhom, fuq perjodu ta’ mhux iktar minn ġimgħa b’effett mis-7 ta’ Ottubru. B’hekk sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola.

Ġie spjegat li l-ewwel ġurnata t’attendenza għall-istudenti se tkun differenti skont is-sena tagħhom. Il-ġenituri u kustodji bdew jirċievu informazzjoni dettaljata mill-jum tal-Ġimgħa stess mill-iskejjel tagħhom.

Il-Gvern qal li l-ġenituri u l-kustodji se jingħataw l-għażla jekk jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola jew le u kull m’għandhom jagħmlu hu li jinfurmaw lill-iskola bid-deċiżjoni tagħhom.

Intqal li matul is-sena skolastika se jkunu qed jiġu provduti lezzjonijiet pre-rekordjati fuq l-internet (online) mingħajr ħlas.

L-iskejjel tal-Knisja se jagħmlu l-istess bħal tal-Gvern u filwaqt li l-edukaturi se jidħlu kif stabbilit oriġinarjament mill-iskola rispettiva, l-istudenti se jidħlu fuq medda ta’ ġimgħa bejn is-sebgħa u l-erbatax t’Ottubru.

Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici saħaq li l-linji gwida għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, wara konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-imsieħba fis-settur jgħidu b’mod ċar li hu meħtieġ li l-iskejjel jerġgħu jiftħu għas-sena skolastika.

Il-Ministru Bonnici stqarr, “Qabbadna risk assessors indipendenti li qegħdin fir-reġistru tal-OHSA biex jiġu f’kull skola, iduru l-iktar, iktar minn mitt skola li għandna aħna tal-Gvern sabiex jiċċekkjaw kull ħaġa li għamilna u biex jassiguraw illi dak li qalulna biex nagħmlu l-health authorities, aħna fil-fatt għamilnih.”

Il-Gvern fakkar li fiż-żmien li għadda ttieħdu dawk il-miżuri kollha li kienu preskritti mil-linji gwida fl-iskejjel kollha.

Intant b’rabta mal-fatt li se jkun hemm numru ta’ jiem sakemm it-tfal kollha jidħlu fl-iskejjel, għall-perjodu ta’ bejn it-30 ta’ Settembru u t-13 t’Ottubru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed testendi s-servizz tagħha li tilqa’ t-tfal għall-ħinijiet ta’ bejn is- 7:00am u s-2:30pm fiċ-ċentri tagħha, bla ħlas.

Fl-istess waqt, kif diġà tħabbar, b’effett mit-30 ta’ Settembru il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed tibda toffri wkoll is-servizz ta’ Klabb 3-16, mis-2:30pm sas-6:00pm fiċ-ċentri tagħha.

ARA WKOLL:

L-MUT tilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern dwar il-ftuħ tal-iskejjel

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend