Dragomanski jgħid li jekk ipoġġuh fl-istess ċella ma’ Muka se joqtlu – One News

Notifiki

Dragomanski jgħid li jekk ipoġġuh fl-istess ċella ma’ Muka se joqtlu

“Jekk tpoġġuni fl-istess ċella mal-Albaniż noqtlu. Minħabba fih ninsab hawn.”

Hekk qal Viktor Dragomanski waqt l-interrogazzjoni, skont xhieda tal-Ispettur Saviour Baldacchino mit-Taqsima għar-Reati Maġġuri waqt li kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Viktor Drogomanski mixli bil-qtil u serq minn fuq Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

L-ispettur Baldacchino qal li marru biex jarrestaw lil Dragomanski f’lukanda f’tas-Sliema u waqt din l-operazzjoni huwa kien isfel u ra li kien hemm raġel li kien ħiereġ mit-tieqa ta’ wara u ħarab minn fuq il-bejt.

F’din l-istess kumpilazzjoni xehed l-ispettur Colin Sheldon li xehed kif kien hemm diversi xhieda ta’ nies li joqgħodu fi Triq Locker li raw tliet persuni ħerġin mid-dar ta’ Pandolfino u wieħed minnhom kellu basket f’idejh.

L-ispettur qal li fuq il-post tad-delitt sabu marki tas-saqajn li kienu għadhom friski u ntqal kif Ivor Maciejowski ma kienx liebes deheb. Qal kif dan id-deheb is-soltu kien jinżamm f’kaxxa, iżda din ma nstabitx.

Sheldon spjega kif il-karozza li ntużat fid-delitt doppju kienet nsterqet minn Triq Nazjo Ellul fl-Imsida fl-erbatax ta’ Settembru ta’ sentejn ilu.

Intqal ukoll kif Daniel Muka kien interrogat tliet darbiet fil-kwartieri tal-pulizija. Kien Muka li iddentifika lil Viktor Dragomanski minn lista ta’ persuni li jisimhom Viktor u qal li r-raġel huwa mill-Maċedonja ta’ Fuq.

Imbagħad Dragomanski qal li kien ma’ Daniel Muka u Jesper Kristiansen u ddentifika lil dan tal-aħħar permezz ta’ ritratt. Dragomanski qal mal-pulizija, li hu baqa’ fil-karozza u mar ħdejhom aktar tard.

“Xejn ma kien ippjanat u mar kollox ħażin”, qal Dragomanski mal-pulizija.

Xehed ukoll it-tabib mid-Dipartiment tal-Emerġenza Jonathan Joslin fejn spjega li eżamina l-polz ta’ Pandolfino u li dan ma kienx qed jieħu nifs filwaqt li Dr. Mike Spiteri eżamina lil Maciejowski u dan kien iċċertifikat mejjet ukoll fuq il-post.

Xehed ukoll Clayton Azzopardi, uffiċjal mir-Rapid Intervention Unit li qal li meta daħlu fid-dar ta’ Pandolfino sabu sinjali ta’ taqlib f’kamra fis-sular ta’ fuqu u lemħu salib mal-art mimli dmija.

Intant l-avukat li deher għal familja Pandolfino talab sabiex il-propjetà tal-koppjatingħata lil qraba.

Din it-talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend