Delia jakkuża lil Grech li pprova jinfluwenza ġurnalista li kellha tmexxi dibattitu bejniethom – One News

Notifiki

Delia jakkuża lil Grech li pprova jinfluwenza ġurnalista li kellha tmexxi dibattitu bejniethom

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia akkuża lit-tim ta’ Bernard Grech li avviċina ġurnalista tax-xandir nazzjonali sabiex jinfluwenza dibattitu li ser isir bejn iż-żewġ kandidati.

Fi stqarrija uffiċjali, Delia beda billi spjega li t-tim ta’ Bernard Grech irreżista bil-qawwa biex ma jsirx dibattitu fil-kampanja tal-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Minkejja dan, Delia kompla jispjega kif il-Kummissjoni Elettorali tal-partit ħabbret li nhar it-Tnejn li ġej se jkun qed isir dan id-dibattitu bejn iż-żewġ kandidati, bil-ġurnalista Ruth Amaira ser tkun qed tmexxih.

Hawnekk Delia fetħilha bil-qawwa kontra l-kandidat ta’ kontrih hekk kif akkuża lit-tim ta’ Bernard Grech li avviċina lil Amaira sabiex jipprova jinfluwenzaha.

Delia kkundanna dan l-aġir min-naħa ta’ Bernard Grech u żvela kif dan l-istess aġir wassal biex l-istess ġurnalista bagħtet tinforma lill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li qiegħda tirtira il-parteċipazzjoni tagħha minn dan id-dibattitu.

Delia temm jikkundanna dan l-aġir li wassal sabiex il-ġurnalisti ma jitħallewx fil-libertà jwettqu xogħlhom mingħajr indħil.

Intant ġie rappurtat li kelliem ta’ Bernard Grech ċaħad l-akkużi ta’ Delia u qal li ma kien hemm ebda tip ta’ pressjoni fuq xi ġurnalista.

Madankollu qal li kien hemm kuntatt mil-kamp ta’ Grech ma’ Amaira.

Sostna li malli saru jafu li kien se jsir id-dibattitu, għamlu kuntatt ma’ Amaira sabiex jiddiskutu l-format tad-dibattitu. Kien hemmek li Ruth Amaira spjegatilhom li ma kinitx aċċettat li tmexxi dan id-dibattitu.

Qal ukoll li mhux minnu li t-tim ta’ Grech irreżista dibattitu bejn iż-żewġ kandidati.

Kien hawnekk li l-kelliem għall-kampanja ta’ Bernard Grech dawwar il-kanuni lejn Delia hekk kif spjega li dan kien biss attentat sabiex iħawwad l-imħuħ tat-tesserati fl-ewwel jum tal-votazzjoni għall-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonlista.

Intant fi stqarrija, l-istazzjon nazzjonali qal li filwaqt li Ruth Amaira ġie avviċinata biex tmexxi dibattitu hija qatt ma kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha f’dan id-dibattitu.

Din l-aħħar ġlieda bejn iż-żewġ fazzjonijiet hija waħda minn sensiela ta’ sitwazzjonijiet li juru l-intriċċi li għaddejin bħalissa fil-Partit Nazzjonalista.

Fost oħrajn il-Ħamis, One News irrapporta lment minn Nazzjonalist iddispjċut li jgħid li kanvassers ta’ Bernard Grech qalu lil xi tesserati Nazzjonalisti anzjani li huma mhux eliġibbli biex jivvutaw anki jekk dawn fil-fatt jistgħu jivvutaw.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend