Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nħatar bħala relatur fuq ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni b’Diżabilità permezz tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew iddeċieda li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq il-petizzjonijiet li jaslu fir-rigward tal-ostakoli li l-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u Alex Agius Saliba ser ikun il-MPE responsabbli.
Il-MPE Alex Agius Saliba stqarr, “Ir-rapport tiegħi se jenfasizza d-diskriminazzjoni diretta u indiretta li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha, u fuq il-bżonn ta’ edukazzjoni inklużiva u aċċessibbli għal kulħadd, l-aċċessibbiltà fit-trasport u l-infrastruttura, l-aċċessibbiltà diġitali u l-inklużjoni soċjali fil-komunitajiet. Il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu protetti minn kull forma ta’ diskriminazzjoni u għandhom igawdu l-istess drittijiet bħalna lkoll.”
Hu sostna, “Bħala r-Rapporteur u membru tal-Qafas dwar id-Diżabilità tal-Parlament Ewropew, jien se nkompli nqajjem kuxjenza u nippromwovi d-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri għall-persuni b’diżabilità, speċjalment issa, meta l-kriżi COVID-19 qiegħda tiżvela s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni kontinwa ta’ persuni b’diżabilità fl-aspetti kollha tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”