“Pajjiżna jrid ikollu politika li tirrifletti l-bidliet fis-soċjetà” – il-PL f’laqgħa mal-Awtorità tad-Djar – One News

Notifiki

“Pajjiżna jrid ikollu politika li tirrifletti l-bidliet fis-soċjetà” – il-PL f’laqgħa mal-Awtorità tad-Djar

Il-viżjoni tal-Partit Laburista fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali ġiet diskussa f’laqgħa bejn l-amministrazzjoni tal-istess Partit flimkien mal-Awtorità tad-Djar.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, qal li l-Partit Laburista jixtieq li b’mod formali u pubbliku, jippreżenta l-ideat tiegħu biex jikkontribwixxi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u mhux iħalli l-politika f’idejn il-Gvern biss.

Il-Perit Daniel Micallef innota li s-soċjetà kulma jmur qed tinbidel u pajjiżna jrid ikollu politika li tirrifletti l-bidliet.

Qal li jemmen li l-Gvern għandu ħafna aktar assi li jistgħu jintużaw aħjar biex jgħin lil min hu verament fil-bżonn.

F’kummenti ma’ ONE News wara l-laqgħa, Daniel Micallef qal li huwa biċ-ċar li l-Gvern qed jaħdem b’mod b’saħħtu ħafna fl-istrateġija tiegħu biex dan is-settur dejjem ikun aktar diversifikat u biex ikomplu jiġu mgħejjuna aktar familji.

“Aħna bħala Partit Laburista kommessi li l-ewwelnett fil-mitt sena storika ta’ dan il-Partit dan huwa suġġett li dejjem kien għal qalb il-Partit Laburista, għadu għal qalb il-Partit Laburista u fil-fatt ħa nkunu qegħdin nipparteċipaw b’mod formali wkoll bl-ideat tagħna fl-ifformular tal-istrateġija għall-futur ta’ dan is-settur f’pajjiżna”, qal Daniel Micallef.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-Gvern qiegħed iwettaq il-manifest elettorali tal-Partit Laburista, u jrid li jħalli marka u mentalità ġdida fis-settur.

Qal li l-investiment li qed isir fil-bini huwa parti minn kullana ta’ inċentivi li qed jittieħdu bħala parti mis-sistema nazzjonali tal-housing.

Semma fost l-oħrajn l-iskema tal-housing benefit li minnha qed jibbenefikaw mal-2,600 familja.

“Aħna soċjalisti. Fid-dmir tagħna li ma nħallux lin-nies jaqgħu lura u noffru soluzzjonijiet diversi lil min hu fil-bżonn”, temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend