ARA: L-iskola ta’ Wied il-Għajn hija waħda minn ħafna konformi mal-protokolli tas-Saħħa Pubblika – One News

Notifiki

ARA: L-iskola ta’ Wied il-Għajn hija waħda minn ħafna konformi mal-protokolli tas-Saħħa Pubblika

L-Iskejjel f’pajjiżna huma preparati u attrezzati sabiex jilqgħu lill-istudenti f’ambjent sigur għall-istudenti u l-edukaturi. Dan hekk kif l-iskejjel kollha ġew mgħammra bl-affarijiet kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha kontra l-firxa tal-Covid-19.

Dan l-istazzjon żar waħda mill-iskejjel u seta’ jara b’għajnejh it-tħejjijiet li qed isiru fosthom assessjar tar-riskju fil-binja tal-iskola.

L-iskola primarja l-ġdida ta’ Wied il-Għajn, dik li żar ONE News, hija waħda minn dawk konformi mal-protokolli li ħarġu u li għandhom il-barka tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Dr. Frank Fabri żaru numru ta’ skejjel madwar pajjiżna u minn kull waħda għamel kollegament dirett permezz ta’ Facebook Live sabiex il-ġenituri stess ikunu jistgħu jaraw l-isforzi kollha li qed isiru sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu f’ambjent sigur.

Is-Segretarju Permanenti, Frank Fabri spjega kif ix-xogħol li qed isir fl-iskejjel qed ikun iċċekjat ukoll minn ħaddiema liċenzjati mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA.

Dr Fabri stqarr, “Bħalissa qiegħdin nagħlqu l-aħħar xogħlijiet u fl-istess waqt għandna r-‘risk assessors’li huma liċenzjati mill-OHSA indipendenti mill-Ministeru għall-edukazzjoni u x-xogħol li qed jagħmlu c-checks tagħhom fl-iskejjel kollha ta’ Malta u ta’ Għawdex.”

Fl-iskola ta’ Wied il-Għajn stajna nosservaw numru ta’ sinjali biex meta jkun hemm l-istudenti u l-għalliema, tinżamm id-distanza.

Fi skejjel oħra ssemma wkoll kif fost oħrajn it-turġien ser jintużaw esklussivament għat-tlugħ jew għall-inżul u mhux għat-tnejn f’daqqa.

Oġġett li jintuża mill-istudenti ser ikun diżinfettat qabel ma jintuża minn student ieħor filwaqt li wara kull lezzjoni ser jidħlu ħaddiema biex jnaddfu ħalli l-istudenti jsibu l-indafa wara.

Il-Ministru Owen Bonnici tkellem ukoll dwar id-diskussjonijiet mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT.

Qal li dawn għadhom għaddejjin sabiex jintlaħaq l-aħjar ftehim fl-interess tal-istudenti u l-edukaturi kollha.

“Aħna lil uliedna rridu nagħtuhom l-aqwa u l-aħjar u dak li aħna rridu nagħtuhom, edukazzjoni ġol-klassi, ġol-iskola.  Aħna llum irriżumejna taħdidiet mal-MUT sabiex nippruvaw insibu triq il-quddiem, sabiex uliedna jieħdu l-aqwa edukazzjoni possibli jiġifieri edukazzjoni fil-klassi.” Sostna l-Ministru Bonnici.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend