Ammont rekord ta’ proġetti li applikaw għal Erasmus+ – One News

Notifiki

Ammont rekord ta’ proġetti li applikaw għal Erasmus+

Tul din is-sena, kien hemm ammont rekord ta’ proġetti li applikaw sabiex jieħdu sehem il-programm Erasmus+. Dan hekk kif b’kollox daħlu 177 applikazzjoni, fejn minnhom mija u sitt benefiċjarji ġew approvati, sabiex iniedu proġetti ġodda.

Dawn il-proġetti ta’ Erasmus+ ġew mogħtija €10.5 miljun li ġejjin minn fondi Ewropej.

Il-proġetti magħżulin jindirizzaw diversi prijoritajiet fosthom it-tluq bikri mill-iskola, il-provvediment ta’ kwalità tal-edukazzjoni u kura bikrija, l-użu ta’ teknoloġija diġitali għall-edukazzjoni tal-adulti u l-aċċess ħolistiku għan-natura minn dawk b’nuqqas ta’ smigħ, fost oħrajn.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u Koordinatur Nazzjonali tal-Erasmus+ Joseph Schembri qal kif kien hemm żieda sinjifikanti fil-proġetti.

Filfatt, mill-2014 ’l hawn ġew iffinanzjati minn fondi Ewropej, 714-il proġett b’total li jqarreb il-ħamsa u ħamsin miljun ewro.

Is-Sur Schembri stqarr, “Din is-sena hija rekord għal programm Erasmus+. Għaliex irċivejna madwar 177 applikazzjoni u approvajna 106 applikazzjoni. Prattikament dawn ivarjaw fin-natura tagħhom u ffukati fuq l-edukazzjoni, edukazzjoni formali u dawk informali.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif għal dan il-programm japplikaw diversi żgħażagħ, studenti u għalliema, fejn minnhom igawdu għaqdiet volontarji li jħallu impatt pożittiv fis-soċjetà.

“Dawn il-fondi huma opportunità oħra biex aktar żgħażagħ, jinteraġixxu bejniethom fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll isiru diversi proġetti illi fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-iskop li jħallu impatt pożittiv fis-soċjetà.” Temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend