Qalba fis-servizz pubbliku għal sistemi ta’ ‘remote working’ – One News

Notifiki

Qalba fis-servizz pubbliku għal sistemi ta’ ‘remote working’

Proġett pilota ser iwassal biex ħaddiema tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu x-xogħol tagħhom minn kullimkien u f’kull ħin. Dan permezz ta’ sistema ta’ ‘remote working’ li biha ħaddiem ser ikun jista’ jirrapporta għax-xogħol mingħajr ma jitbiegħed daqstant minn daru.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar spjega kif sa minn qabel il-pandemija, is-Servizz Pubbliku diġà kien qed iħares lejn proġett sabiex jibda jsir ‘remote working’. Stqarr li fi żmien il-pandemija, s-servizz pubbliku kien preparat u kien fost l-inqas li ntlaqat. Stqarr li dan iż-żmien wera kif l-investimenti fin-nies u t-teknoloġija ħallew il-frott.

Flimkien ma’ dan il-proġett pilota sar ieħor id f’id, immirat sabiex hekk kif ix-xogħol jibda jsir permezz tar-‘remote working’ u allura b’użu inqas ta’ karti, xorta waħda kull każ jibqa’ jkun arkivjat b’mezzi differenti.

Is-Sur Cutajar stqarr: “Wieħed irid iħares ukoll mhux biss lejn ir-remote working, mhux biss lejn it-teknoloġija li ser tiġi użata, imma wkoll lejn il-‘management’, lejn it-taħriġ meħtieġ u anke lejn il-mod kif ser inżommu l-‘filing tagħna.’

Dawn il-proġetti pilota li qed isiru mal-Ministeru għall-enerġija u l-immaniġjar tal-ilma ser jaraw li joffru bażi soda sabiex kif spjega Cutajar, is-sena d-dieħla bil-mod il-mod tibda tiġi introdotta s-sistema tar-‘remote working’.

F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Bilanċi ġodda’ u b’rabta mal-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku, il-Kap taċ-Ċivil innota l-importanza li l-ħaddiema jkunu mħarsa.

Is-Sur Cutajar sostna: “Mhux qed nitkellmu biss fuq bilanċi ġodda li għandhom x’jaqsmu x-xogħol u l-ħajja, imma bilanċi ġodda bejn il-ħtiġijiet tan-nies, il-ħtiġijiet tal-ħaddiema, il-ħtiġijiet tan-nies li jridu jwasslu s-servizz u s-servizz fih innifsu. Taħt l-ebda ċirkostanza ma naċċettaw li nagħmlu kemm nagħmlu strutturi ġodda, nagħmlu kemm nagħmlu benefiċċji ġodda, nagħmlu kemm nagħmlu affarijiet ġodda, bl-ebda mod is-servizz lill-klijenti, li investejna ħafna fih f’dawn l-aħħar seba’ snin ma jista’ jiġi mittiefes.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend