It-Times tirrapporta li sentejn ilu Bernard Grech kellu €43,000 fi dħul mhux iddikjarat – One News

Notifiki

It-Times tirrapporta li sentejn ilu Bernard Grech kellu €43,000 fi dħul mhux iddikjarat

Sentejn ilu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kien investigat minn istituzzjoni ta’ kontra l-frodi fit-taxxa wara li nstabu numru ta’ irregolaritajiet u ordnawlu jħallas €17,000 f’pendenzi ma’ tal-VAT.

Irrappurtat dan it-Times li kkonfermat li fl-elfejn u tmintax, id-dipartiment tat-taxxa sab dħul mhux iddikjarat u numru ta’ depożiti fil-bank mingħajr spjegazzjoni min-naħa ta’ Grech.

“Dan kollu seħħ fuq medda ta’ snin”, qalet it-Times.

L-istess gazzetta qalet li filwaqt li l-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ta’ spjega dwar id-depożiti fil-banek xorta waħda kien baqa’ l-fatt li kellu dħul mhux iddikjarat.

Grech kien imwissi minn tat-Taxxa li kellu ħafna pendenzi fi ħlasijiet li jmorru lura saħansitra għal 12-il sena

Il-ħlas ta’ €17,000 f’pendenzi ma’ tal-VAT huwa każ separat minn pendenzi oħra li kellu ma’ tat-taxxa.

Fil-fatt Grech ħallas mat-€30,000 fi ħlasijiet pendenti f’taxxa wara li kien wera l-interess li jikkontesta għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-awditjar fuq il-kandidat tal-establishment sab ukoll li bħala avukat tal-familja, Grech ma kellux kont bankarju separat fejn jitfa’ l-flus li jkun qala’ mix-xogħol iżda fil-kont fejn jiddepożita flusu.

Dan għamilha diffiċli biex l-awtoritajiet jintraċċaw l-ammonti propja ta’ flus li daħħal Grech mix-xogħol.

Hawnhekk ingħatat spjegazzjoni li daħlu xi flus fil-kont bankarju minn xogħol ekstrakurrikulari li għamlet martu fl-iskola fejn taħdem.

It-Times qalet li finalment, l-awtoritajiet tat-taxxa taw 40% skont fuq l-ammont taxxabbli ta’ dħul li daħal fil-kont bankarju mingħajr ma ġie spjegat minn fejn ġie.

Fuq medda ta’ 5 snin, tat-taxxa jistmaw li kien hemm mat-€43,000 fi dħul mhux iddikjarat, u dan wara l-40% tnaqqis li ngħata mill-istess awtoritajiet tat-taxxa.

Sar magħruf ukoll li Bernard Grech ġie mdaħħal f’livell inqas taxxabli minn dak li fil-verità jirrefletti d-dħul veru tiegħu bħala avukat.

Il-Ġimgħa filgħaxija, ġurnalist ta’ ONE News prova jsaqsi mistoqsijiet lil Bernard Grech qabel ġie mblukkat u mbuttat mill-bodyguards ta’ Bernard Grech.

Ir-rapport tad-due diligence li twettaq minn 3 persuni mqabbda mill-Partit Nazzjonalista biex jgħarbel liż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-partit jgħid ċar u tond li Bernard Grech ħeba u ma tax l-istampa kollha dwaru.

Mistoqsi dwar dan il-fatt, dak li qed jaspira li jkun Kap tal-Oppożizzjoni, kien evażiv u skomdu ħafna u baqa’ jirrepeti l-istess sentenza li ma kellha assolutament xejn x’taqsam mal-mistoqsija.

Colin Deguara staqsa: “Ilbieraħ ġie ppubblikat ir-rapport tad-due diligence li qal ukoll illi inti m’urejtx l-istampa kollha lil dan il-panel tal-istampa. Għaliex ħbejtilhom? Ħbejtilhom inti?”

Bernard Grech wieġeb: “Il-panel tal-esperti jgħidu fir-rapport illi jiena fil-fatt qatt m’għandi l-ebda pendenzi, hemm ċertifikat maħruġ mill-Kummissarju tat-Taxxi.”

Colin Deguara qal lil Grech: “Il-panel jgħid li din is-saga ħarġet lejn l-aħħar u fl-intervisti inti ħbejt din il-parti.”

Bernard Grech sostna: “M’għandi l-ebda pendenzi mad-Dipartiment tat-Taxxa. Hemm ċertifikat uffiċjali, korrett u legali illi jiena m’għandi l-ebda pendenzi.”

Colin Deguara reġa’ stqasieh: “Ħbejtilhom inti?”

Bernard Grech tenna: “Dik hija r-risposta.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend