Il-pandemija tal-Covid-19 teħtieġ aktar koordinazzjoni u mhux azzjonijiet unilaterali – One News

Notifiki

Il-pandemija tal-Covid-19 teħtieġ aktar koordinazzjoni u mhux azzjonijiet unilaterali

Waqt laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fi Brussell, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Stefan Zrinzo Azzopardi ħeġġeġ lill-istati membri Ewropej biex fid-dawl tal-pandemija Covid-19, ma jiħdux azzjonijiet unilaterali. Huwa saħaq li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bħala grupp u b’hekk jiġi assigurat li qed jitħarsu l-interessi ta’ kull pajjiż, inklużi ta’ pajjiżna. Il-laqgħa saret bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew straordinarju li għandu jiltaqa’ fi Brussell il-ġimgħa d-dieħla.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi sostna li l-istati membri għandhom jiftiehmu dwar l-indikaturi komuni li jagħtu stampa oġġettiva tal-qagħda tal-imxija tal-Covid-19 f’kull stat membru.

Dan fid-dawl tal-isfidi li l-Ewropa ħabbtet wiċċha magħhom waqt li l-pajjiżi kienu magħluqin f’lockdowns, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-moviment ħieles tal-prodotti u tas-servizzi. Dawn l-isfidi nħassu partikularment fix-xiri ta’ apparat mediku.

L-imxija ħarġet fil-beraħ u saħansitra ggravat in-nuqqasijiet li kienu jeżistu fit-tħaddim tas-suq waħdieni Ewropew. Is-Segretarju Parlamentari semma li wara tletin sena, is-suq waħdieni għadu mhux komplut u għadhom jeżistu ostakli għall-kummerċ bejn l-istati membri.

Dr. Zrinzo Azzopardi tenna li qabel diskussjoni fuq awtonomija strateġika għas-suq waħdieni, l-Unjoni Ewropea għandha tanalizza u tħares lejn il-futur b’mod strateġiku billi ssib il-bilanċ bejn il-ftuħ tal-fruntieri għall-kummerċ u l-interdipendenza bis-sigurtà u bis-sovranità ta’ kull stat membru.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi ħeġġeġ lill-istati membri biex ikunu ambizzjużi u inklussivi, jiġifieri għandu jingħata sinjal li se jkun hemm appoġġ lill-intrapriżi tagħna – inklużi dawk ta’ daqs żgħir u medju, filwaqt li l-ebda intrapriża titħalla taqa’ lura.

Dr. Zrinzo Azzopardi saħaq li dan irid isir waqt li jkun evitat li jiddaħħlu regolamenti regulatorji eċċessivi u miżuri leġiżlattivi li jistgħu jwasslu biex jitfgħu aktar piżijiet fuq l-istati membri u n-negozji.

Sadanittant, in-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, Michel Barnier, informa lill-Ministri preżenti dwar fiex waslu n-negozjati kummerċjali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Dr. Zrinzo Azzopardi ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tgħolli l-livell tat-tħejjjija tagħha u l-ippjanar ta’ kontinġenza.

L-aġenda tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali inkludiet diskussjoni dwar proċeduri skont Artiklu 7 tat-Trattat Ewropew kontra l-Ungerija u l-Polonja, u tagħrif aġġornat mill-Presidenza Ġermaniża dwar in-negozjati li għaddejjin mal-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali għas-snin 2021-2027.

Ritratti (MFEA_PS)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend