Mara ta’ 23 sena mix-Xgħajra, qed issofri minn ġrieħi gravi wara li waqgħet minn għoli f’San Ġiljan. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12:30hrs, bil-Pulizija kienu infurmati li hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Triq id-Dragunara, f’San Ġiljan. Il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ li sar, irriżulta li l-mara sofriet xi ġrieħi wara li waqgħet minn gallarija ta’ lukanda, madwar sular u nofs għoli.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Hemmhekk, hi ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.