Keith Schembri qed jinżamm arrestat fid-Depot tal-Furjana.
ONE News jinsab infurmat li Keith Schembri ġie arrestat mir-residenza tiegħu għal ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, ta’ bejn il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta.
Matul il-ġurnata ġew mitkellma numru ta’ persuni fosthom Brian Tonna minn Nexia BT.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-pulizija tat-taqsima għar-reati ekonomiċi.
Fil-jum tat-Tnejn, l-Imħallef Edwina Grima ordnat li jiġu ffriżati l-assi ta’ Keith Schembri u martu, u Brian Tonna minn Nexia BT fost oħrajn.
Dan wara li l-Avukat Ġenerali preżentat talba sabiex jiġu ffriżati l-assi.
Il-Qorti qalet li kien hemm suspett raġonevoli fuq Keith Schembri u Brian Tonna marbuta m’akkużi ta’ ħasil ta’ flus skont il-liġi ta’ Malta.
Dan kien pass importanti li ttieħed mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg.
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi naqas milli jirrikonoxxi dan il-pass mill-Avukat Ġenerali u qal li dan kollu sar grazzi għad-deputat Avukat Ġenerali.
Intant l-avukati ta’ Schembri ressqu rikors fejn fost oħrajn talbu li l-klijent tagħhom jingħata aċċess għal materjal tal-każ.
L-avukati ta’ Schembri, Edward Gatt u Mark Vassallo qed jgħidu li l-klijent tagħhom ma ġiex mgħarraf bil-konklużjonijiet tal-inkjesta li saret dwar l-allegat tixħim ta’ Schembri fil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.