Is-servizz pubbliku se jkompli jkun aktar viċin in-nies. Dan permezz ta’ strateġija li se ssir fil-futur dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-servizz pubbliku. Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt seminar dwar l-intelliġenza artifiċjali.
F’dan is-seminar, il-Kap taċ-Ċivil qal kif il-gvern fl-aħħar snin kellu l-għan li jnaqqas il-burokrazija fis-servizz pubbliku. Dan sar permezz ta’ investiment ta’ mija u ħamsin miljun ewro fit-tekonloġija sabiex is-servizz pubbliku jkompli jkun viċin in-nies.
Huwa qal ukoll kif bħalissa għaddej investiment ieħor ta’ erbgħin miljun ewro għat-twettiq tal-istrateġija Mapping Tomorrow. Dan il-pjan, li beda s-sena l-oħra se jkompli sas-sena d-dieħla, fejn għandu l-mira biex iċ-ċittadini jużaw is-servizz online.
“B’kollox sal-lum għamilna mija u ħamsin investiment fit-teknoloġija, investiment mingħajr preċident u bħalissa ukoll investiment bla preċident. Bħalissa għaddejjin investimenti madwar il-gvern kollu li jammontaw għal erbgħin miljun oħra f’investiment.”
Il-Kap taċ-Ċivil spjega kif minn stħarriġ li sar, erbgħa u sebgħin fil-mija jemmnu li s-servizzi online marru għal aħjar. Sebgħa u sebgħin fil-mija semgħu bis-servizz.gov, b’wieħed u sittin fil-mija jemmnu li sar sforz mill-gvern għall-servizzi online iżda erbgħa ħamsin punt ħamsa fil-mija qatt ma użaw dan is-servizz online.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Alexei Dingli qal kif din il-bidla se ssir fl-għaxar snin li ġejjin sabiex tkun implimentata din l-istrateġija tal-intelliġenza artifiċjali. “Bħala pajjiż, issa huwa importanti li nimplimentaw strateġija għall-AI. Jiġifieri inti għandek l-element akkademiku, fejn hemmhekk niġġeneraw ħafna aktar nies, li jaħdmu fis-settur tal-AI. Għandek ukoll l-element tax-xogħol, fejn trid toħloq aktar postijiet tax-xogħol li għandhom x’jaqsmu mal-AI u anke ġġib investiment minn barra”