Notifiki

Il-patt il-ġdid tal-UE għall-immigrazzjoni mistenni jobbliga l-istati membri jieħdu immigranti m’għand pajjiżi milquta direttament

Fil-jiem li ġejjin l-Unjoni Ewropea mistennija tippreżenta l-patt il-ġdid għall-immigrazzjoni. Dan il-pjan ġdid mistenni jimbotta ‘l quddiem l-idea li l-istati membri jieħdu aktar immigranti mill-pajjiżi li huma milquta direttament mill-immigrazzjoni bħal Malta, l-Italja u l-Greċja.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Intern, Ylva Johansson ġiet rappurtata tgħid li qed tistenna reżistenza dwar dan il-patt minn pajjiżi bħall-Ungerija, il-Polonja u pajjiżi oħra fit-tramuntana tal-Ewropa iżda saħqet li jeħtieġ li l-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-istati membri jitħaddem iżjed.

Il-ġimgħa l-oħra, waqt l-ewwel diskors tagħha tal-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen saħqet li l-pajjiżi milquta mill-immigrazzjoni u li jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom għandhom iserrħu fuq is-solidarjetà Ewropea. Hija qalet ukoll kif fil-patt il-ġdid se jkun hemm distinzjoni ċara bejn dawk l-immigranti li jkollhom dritt għall-ażil u dawk li m’għandhom l-ebda dritt.

Fl-istess jum, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kellu laqgħa f’Kastilja mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Dakinhar Dr. Abela laqa’ l-fatt li s-suġġett qed jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-ogħla istituzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru kien ċar u saħaq li pajjiżna ma jiflaħx aktar immigranti. Qal li n-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fl-aħħar jiem huwa tajjeb imma mhux biżżejjed.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend