Malta tfakkar is-56 sena mindu kisbet l-Indipendenza – One News

Notifiki

Malta tfakkar is-56 sena mindu kisbet l-Indipendenza

Malta fakkret is-56 sena minn Jum l-Indipendenza, meta b’daqqa ta’ pinna mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier,  Malta saret Indipendenti mir-Renju Unit.

Din is-sena, il-messaġġ mibgħut kien wieħed ta’ solidarjetà u ta’ ġid indaqs.

Iċ-ċelebrazzjoni bdiet fid-9 ta’ filgħodu meta l-Gwardja tal-Unur u l-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta telqu minn Misraħ il-Ħelsien tul Triq ir-Reppublika għal quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann.

Hemmhekk waslu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-President George Vella li ngħataw is-salut nazzjonali biex wara l-President spezzjona l-Gwardja tal-Unur.

Wara fil-kon-katidral ta’ San Ġwann, ġiet iċċelebrata l-quddiesa Pontifikali mill-Arċisqof Charles Scicluna. Waqt l-omelija l-arċisqof tkellem dwar seba’ prinċipji ta’ tagħlim soċjali tal-Knisja, fosthom is-solidarjetà, biex quddiem il-pandemija tal-COVID-19 pajjiżna ikollu vuċi ċara biex meta jinstab il-vaċċin, il-pajjiżi kollha jkollhom sehem minn dak li jkunu pproduċew pajjiżi li forsi huma ħafna ikbar u iżjed sinjuri mill-oħrajn.

Iċ-ċelebrazzjonijiet issoktaw fil-Furjana fejn il-gwardja tal-Unur flimkien mal-banda tal-Forzi Armati mxew minn Triq l-Assedju l-Kbir sal-Monument tal-Indipendenza.

Hemmhekk il-Prim Ministru, il-Kap tal-Opozizzjoni, u President ta’ Malta, poġġew bukketti tal-fjuri quddiem il-Monument tal-Indipendenza b’turija ta’ rispett.

Wara t-tqegħid ta’ bukketti tal-fjuri l-Armata tat salut nazzjonali b’21 tir minn 7 kanuni.

It-tiri, li bdew jidwu mal-inħawi tax-Xagħra tal-Furjana, onoraw l-kisba li l-ġens Malti għamel fil-21 ta’Settembru ta’ 56 sena ilu, kisba li fissret il-mument li pajjiżna ħa tmexxija tiegħu nnifsu f’idejh.

Ritratti: Gareth Degiorgio/DOI

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend