It-Torri l-Aħmar jirritorna għall-glorja kollha tiegħu – One News

Notifiki

It-Torri l-Aħmar jirritorna għall-glorja kollha tiegħu

Imperreċ fuq għolja, jgħasses il-bajjiet tal-madwar.

Hekk jista’ jiġi deskritt il-famuż Torri l-Aħmar fil-Mellieħa, magħruf ukoll bħala t-Torri ta’ Sant’ Agatha.

Fl-aħħar sena dan l-istess Torri, xogħol il-kavallieri ta’ San Ġwann bejn l-1647 u l-1649 ifforma parti minn kullana ta’ proġetti ta’ restawr fit-Tramuntana ta’ Malta li jinkludu r-restawr tal-Batterija ta’ Santa Marija f’Kemmuna u kif ukoll it-Torri tad-Dwejra,

One News żar it-Torri l-Aħmar fil-Mellieħa fejn hemmek seta’ jara x-xeħta friska li dan ingħata frott dan il-proġett ta’ restawr minn fondi Ewropej.

Rajna fost oħrajn il-ġebla antika li wżaw il-Kavallieri biex bnew din il-ġawrha Maltija filwaqt li stajna naraw ukoll saħansittra ġiebja li kienet tintuża lura fis-seklu 15.

Tkellimna ma’ Maria Grazia Cassar mill-Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa hekk kif spjegat ir-restawr li sar fuq dan it-Torri li kien ta’ kenn għall-Kavallieri f’każ ta’ xi invażjoni mix-xtut tal-madwar.

Hi stqarret, “Hawnekk fit-Torri Sant Agatha sar restawr fil-ħitan ta’ barra kif ukoll ta’ ġewwa. Sar impjant tal-elettriku ġdidu u ħadna affarijiet oħra bħal alarmas u affarijiet hekk li kellna bżonn.”

Is-Sinjura Cassar spjegat ukoll li dan il-proġett sar ukoll flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li ofriet l-esperjenza tagħha fi proġetti ta’ dan it-tip.

Spjegat ukoll kif fis-27 ta’ Settembru dan it-Torri se jiftaħ il-bibien għall-pubbliku b’xeħta differenti grazzi għall-għajnuna mill-Compangia San Michele.

“Il-Ħadd 27 ta’ Settembru ħa jkun hawn open day fejn grupp ta’ reenactors, il-kumpanija San Michele ħa jorqdu hawnekk u jgħixu hawnekk u jagħmlu displays tal-armi u jagħmlu tours ukoll fil-11am u fl-4pm ta’ waranofsinhar u ninkoraġixxu l-pubbliku jiġi jara.” Spjegat Cassar.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi sostna l-importanza li pajjiżna jibqa’ jagħmel użu mill-Fondi Ewropej sabiex ikun jista’ jibqa’ jwassal dawn it-tip ta’ proġett lill-pubbliku u ntejbu l-wirt kulturali tagħna.

Tenna li bejn is-sena 2014 u 2020 pajjiżna investa €75 miljun fi proġett kulturali.

“Mill-programm ta’ fondi taa-Unjoni Ewropea bejn is-sena 2014 – 2020 pajjiżna nvesta minn dawk il-fondi li kiseb €75 miljun fi proġetti ta’ qasam kulturali l-iktar relatati ma’ restawr ta’ binijiet storiċi. Binjiet bħalma huma ta’ fortifikazzjoni, it-Teatru Manuel għaddej xogħol ukoll fil-palazz tal-President, kif ukoll irridu ngħidu li minn dawn il-fondi bbenefikaw aktar minn 30 lokalità.” Temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend