F’5 snin il-pulizija Maltija investigat aktar minn 100 każ ta’ materjal pornografiku tat-tfal – One News

Notifiki

F’5 snin il-pulizija Maltija investigat aktar minn 100 każ ta’ materjal pornografiku tat-tfal

Tul dawn l-aħħar ħames snin il-Pulizija Maltija investigat aktar minn mitt każ ta’ materjal pornografiku li involva tfal.

L-Ispettur Joseph Busuttil mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji spjega li l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet kienu ta’ tfajliet minorenni li bagħtu jew partu ritratti ma’ rġiel li talbuhom jesponu lilhom infushom.

Huwa spjega: “L-aktar li jkollna huwa żgħażagħ li jibagħtu r-ritratti tagħhom online. Jew tfajliet li ġuvintur tamparhom jew ftit ikbar jibagħtulhom ir-ritratti. Jħossu peer pressure u jibagħtuhom.”

Busuttil tenna wkoll li ġaladarba jintbagħat ritratt u jiġi ppublikat online huwa diffiċli li jitneħħa u jista jħalli riperkussjonijiet serji tul ħajjet il-vittma.

Huwa sostna: “Lill-istudenti ngħidilhom immaġna inti ikollok ritratti tal-għalliema tiegħek meta kien għad għandha ħmistax-il sena mingħajr ħwejjeġ. Tħammarlek wiċċek żgur. Dak il-ħin jitbissmu però dawn l-affariiet m’għandhomx isiru mhux għalissa biss imma l-konsegwenza tagħhom tibqa’ ġġorrha tul ħajtek kollha.”

Busuttil spjega wkoll li t-taqsima tiegħu kienet involuta wkoll f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ persuni li jkollhom fil-pussess tagħhom materjal indiċenti ta’ tfal f’età tenera.

Hawnhekk l-Ispettur Busuttil appella lill-ġenituri u dawk responsabbli mit-tfal biex dejjem iżommu għajnejhom miftuħin u jevitaw li jesponu t-tfal mingħajr ilbies meta jkunu f’postijiet pubbliċi.

L-Ispettur Busuttil kompla jispjega: “Kien imur joħodhom fuq ix-xtut Maltin. Ibiddlu lit-tfal. Dan kien immur bil-camera, taparsi qed jieħu ritratt lill-ħabib tiegħu imma kien qed jiġbed ritratt ta’ xi ħadd ‘il bogħod. Fuq il-baħar irridu noqogħdu attenti kif nesponu lill-uliedna u lil min inkunu qed nieħdu ħsieb.”

Spjega wkoll li dawn il-każijiet kultant ikunu parti minn ċirku akbar ta’ persuni kriminali barranin.

Huwa temm jgħid: “Mill-interpol infurmawna li kien hemm ritratti tat-tip minn IP address Malti. Iċċkjajna dak l-IP address u sibna min kien u kien weħel ħames snin ħabs u multa.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend