ARA: Ir-riżerva nazzjonali tal-arti għall-ewwel darba – One News

Notifiki

ARA: Ir-riżerva nazzjonali tal-arti għall-ewwel darba

Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA se jiftaħ ir-riżerva nazzjonali tiegħu, li s’issa lanqas qatt ma nfetħet għall-pubbliku, għal dawk li ikunu jixtiequ iżuruha għall-interess jew għal skop ta’ riċerka.

Dan grazzi għall-investiment b’saħħtu li sar f’dan il-Mużew li issa se joffri esperjenza ħolistika u unika lill-viżitaturi.

Il-kuratur Kenneth Gambin, l-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet għall-Heritage Malta, spjega għaliex xi arti li tkun diġa ġiet esebita fil-mużew ma tibqax fil-wirja permanenti u timxi għar-riżerva nazzjonali tal-mużew.

“Dan isir minħabba raġuni ta’ spazju. Biex tessebixi dak kollu li jkollu mużew trid mużew mill-inqas it-triplu ta’ dak li hemm illum. Barra minn hekk hemm raġunijiet ta’ konservazzjoni.” Spjega Gambin.

Gambin spjega ukoll li kull tip ta’ arti għandha mod konservazzjoni għaliha, minħabba li ħafna biċċiet ta’ arti ma jistgħux jiġu esposti għal raġġi ta’ xemx.

Gambin spjega li l-arti li se tkun esposta għall-pubbliku fil-futur se tkun qed tirrifleti l-kollezzjoni li hemm diġà fil-mużew.

Hu qal, “Hemm ħafna arti li ġejja mis-seklu sittax sas-seklu għoxrin bejn wieħed u ieħor wieħed u għoxrin. Dan jippermetilna nagħmlu rotazzjoni u nbiddlu ċertu kwadri li ma jibqgħux jidhru għal dejjem.”

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fisser ix-xogħol estensiv u restawr li ilu għaddej f’dan il-mużew, anke fiż-żmien fejn kellu jingħalaq minħabba l-pandemija.

“Waqt li l-mużewijiet kienu magħluqin, fl-imxija, ħadd ma qagħad id-dar, jew jieħu l-okkazjoni li ma jagħmel xejn imma daħlu għax-xogħol u middew idejhom biex isir ir-refurbishment kollu li huwa meħtieġ fis-siti ta’ Heritage Malta.”

Intant, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku wkoll, illum Heritage Malta fetħet mingħajr ħlas il-mużewijiet tal-Belt Valletta fejn fost l-oħrajn ġiet esposta l-ittra li biha Napuljun Bonaparte ta kmand lill-Ġeneral Desaix biex jibda jippjana l-invażjoni ta’ Malta fl-1798, li qanqlet interess kbir fost il-pubbliku Malti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend