Delia b’botti lejn Grech u attakki lejn Azzopardi u Thake – One News

Notifiki

Delia b’botti lejn Grech u attakki lejn Azzopardi u Thake

Wara Bernard Grech, fuq ir-radju Nazzjonalista wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist tax-xandir nazzjonali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Fuq ir-radju, Delia mal-ewwel fetħilha bil-botti fil-konfront ta’ Bernard Grech.

Delia qal: “Meta inti ma tiddikjarax id-dħul dak huwa reat kriminali. Meta inti ma tiddikjarax, tiddikjara inqas jew ma tħallasx il-VAT, dak huwa reat kriminali.”

Delia kompla bil-botti fil-konfront ta’ Grech billi saħaq li hu jwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti: Jien ma naħrabx mid-domandi, anzi and spot on.”

Wara li fil-jum tal-Ġimgħa qal li Jason Azzopardi gideb meta ta x’jifhem li hu kien qed iżomm il-pubblikazzjoni tar-rapport tad-due diligence fuq iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, is-Sibt filgħodu, Delia qal li Jason Azzopardi gideb ukoll dwar il-messaġġi bejn il-Kap Nazzjonalista u Yorgen Fenech.

Delia sostna: “Mhux seba’ mitt messaġġ kif qed jgħid Jason Azzopardi li qed jigdeb.”

Delia nfexx jattakka wkoll lid-deputat Nazzjonalista David Thake li semma allegazzjonijiet li Delia ħa xi flus m’għand Yorgen Fenech biex tiġi imminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa.

Huwa tenna: “Kien hemm l-Onor. David Thake illi sena ilu qal illi xi ħadd qallu, li xi ħadd qallu illi offrew ħamsin elf biex jaħdmu kontra David Casa. Sena ilu, m’għamel xejn, kont fuq programm dan, ta’ Xarabank, lanqas kont naf, lanqas kien deputat. Għedtlu jekk għandek l-informazzjoni mhux tmur għand il-pulizija, mhux hekk? Aħna lil Gvern nattakkawh, ngħidulu mexxi bil-pulizija u dan għamel sena insomma, m’għamel xejn. Xħin imbagħad kien hemm bżonn illi nqanqlu l-ilmijiet reġgħet feġġet din l-akkuża.”

Dwar id-deputati Nazzjonalisti, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu sfiduċjawh, Delia ta x’jifhem li s-sitwazzjoni nbidlet.

Delia qal: “L-ewwel bdew jissemmew dsatax, ovvjament f’tentattiv li jidher ikbar in-numru imbagħad kien hemm l-MEPs, minn sbatax ġa kien hemm min m’għadux ta’ dik il-fehma.”

Delia attakka lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u pponta subgħajh lejhom għall-firda u l-ġlied fil-Partit Nazzjonalista.

Hu saħaq: “Għaqda li tiġi li tgħid jew kif qed ngħid jien jew xejn. Jew tagħmlu hekk inkella m’hemmx għaqda. Jew nilgħab jew inħassar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend