Tliet persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei wara inċident tat-traffiku fil-Furjana.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu fi Triq il-Kurċifiss, meta kien hemm ħabta bejn karozza tat-tip Volkswagen Passat u vann tat-tip Isuzu Elf. B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, il-vann inqaleb.
Fuq il-post marru membri tal-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Mara ta’ 57 sena mill-Mellieħa li kienet passiġġiera fil-karozza, flimkien ma’ sewwieq tal-vann ta’ 23 sena miż-Żejtun u l-passiġġier ta’ 20 sena minn Marsaxlokk ittieħdu l-isptar Mater Dei.
Il-kundizzjoni tal-vittmi għadha mhux magħrufa, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.