Il-pulizija qed iżżomm 27 immigrant wara li kkawżaw ħsarat fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.
Ħamsa minn dawn l-immigranti ġew arrestati wara li ħarbu u nqabdu mill-pulizija.
Dawn ħebbew għall-Uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni b’ġebel u ħadid.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn tal-Ġimgħa filgħodu, meta ssejħu l-pulizija tad-distrett, tar-Rapid Intervention Unit u l-Ispecial Intervention Unit, kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Dan wara li numru ta’ immigranti bdew jagħmlu ħsarat kif ukoll bdew jitfgħu l-ġebel fid-direzzjoni tal-ħaddiema taċ-ċentru.
Waqt li l-Pulizija bdiet tikkontrolla s-sitwazzjoni, uħud mill-immigranti weġġgħu seba’ pulizija tal-RIU.
Fuq il-post issejħu timijiet mediċi li taw l-ewwel għajnuna u żewġ uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija weġġgħu gravi u ttieħdu l-isptar Mater Dei.
Wieħed mill-immigranti li ħarab momentarjament weġġa’ ħafif wara li uffiċjal tas-sigurtà ta’ kumpanija privata allegatament spara lejn immigrant b’senter li kien fil-karozza tiegħu.
Dan l-immigrant ittieħed l-isptar Mater Dei.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili tfew nirien li tqabbdu mill-immigranti.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u nħatret inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke.