“Aħna qegħdin hemm biex kuljum inbiddlu għal aħjar il-ħajja ta’ mqar persuna waħda.”
Iddikjarat dan mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela meta kienet intervistata minn Saviour Balzan waqt il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali.
Dr. Abela qalet li tixtieq il-gvern immexxi minn żewġha, il-Prim Ministru Robert Abela, jibqa’ mfakkar mhux biss għal miżuri li jtejbu ħajjet in-nies, imma li jerġa’ jżid il-fiduċja tan-nies fil-politiċi.
“Naħseb jekk ikolli niddentifika xi ħaġa li veru li nibqa mfakkra għaliha hija l-fatt li n-nies jerġa’ jkollhom fiduċja fil-politiċi, illi n-nies jirrealizzaw li aħna qegħdin hemmhekk biex inservuhom. Aħna qegħdin hemmhekk biex inbiddlu l-ħajja tagħhom. Aħna qegħdin hemm biex kuljum inbiddlu l-ħajja ta’ xi ħadd, għalina jkun ġa biżżejjed.”
Fl-intervista, Dr. Abela tkellmet dwar l-oqsma li trid taħdem fuqhom fil-qasam soċjali. Fosthom fejn tidħol is-solitudni.
Qalet li trid tkun il-vuċi ta’ dawk li jħossuhom waħidhom.
Dan hekk kif minn riċerka li saret mill-Fakultà tal-ħarsien soċjali, fl-Universita ta’ Malta, tlieta u erbgħin punt ħamsa fil-mija ta’ dawk intervistati s-sena l-oħra qalu li f’xi mument jew ieħor iħossuhom waħidhom. Din is-sena r-rata telgħet għal tlieta u disgħin punt ħamsa fil-mija.
“Naħseb dawn in-nies għandna nisimgħu u naraw x’qed iwassal għaliex qed iħossuhom waħidhom. Għalfejn forsi dik l-anzjana li qiegħda d-dar, tistenna lil xi ħadd iċempillek, tistenna li xi ħadd jismagħha qed thossha waħidha forsi qed tistenna lil xi ħadd iċempilha.”
Lydia Abela tkellmet dwar l-ambjent u kif se taħdem favur il-ħarsien tiegħu. Hawnhekk irrikonoxxiet li fl-aħħar snin sar ħafna fosthom bl-għeluq tal-powerstation tal-aktar żejt li jniġġes u fis-separazzjoni tal-iskart.
“Importanti li jkollna entużjamu biex nattiraw investiment imma importanti li biex nkabbru l-ekonomija, ikun hemm ukoll entużjażmu għall-ambjent. Jiġifieri flok deċizjoni li tittieħed, meta biex niġu nniedu jkun hemm prijorità ewlenija fil-qasam ambjentali.”