Ir-rapport tad-due diligence tal-PN minnu nnifsu hu difettuż – One News

Notifiki

Ir-rapport tad-due diligence tal-PN minnu nnifsu hu difettuż

Ir-rapport ta’ due diligence li sar mill-Partit Nazzjonalista dwar iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista jixhed diversi nuqqasijiet mhux biss fuq Adrian Delia u Bernard Grech iżda anki fuq il-proċess innifsu.

It-tliet persuni msejħa esperti, li suppost għarblu lil Delia u Grech kienu Antonio Ghirlando, Clyde La Rosa u Mario Galea.

Dawn it-tliet persuni ilmentaw li ma kellhomx biżżejjed riżorsi biex iqabbdu professjonisti oħra fosthom periti biex b’mod indipendenti jivverifikaw dak li qalu Adrian Delia u Bernard Grech infushom.

Qalu li fid-dawl li huma ma humiex xi awtorità regolatorja, ma kinux f’pożizzjoni li jitolbu informazzjoni minn xi entità lokali jew barranija.

B’hekk huma kellhom jistrieħu ħafna fuq l-informazzjoni li ġiet mill-organi tal-istess partit u miż-żewġ kandidati infushom.

Dawn it-tliet persuni li għarblu liż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qalu li filwaqt li l-perjodu ta’ sitt ġimgħat juri żmien suffiċjenti biex isir due diligence fuq il-kandidati, nies esperti fil-qasam ilkoll jaqblu li l-perjodu ma kienx biżżejjed biex tagħrbel persuna li se jkun qed jokkupa kariga Kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u possibilità li ‘l quddiem tkun tokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru tal-pajjiż.

It-tliet esperti kritikaw bl-aħrax il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Qalu li d-dikjarazzjoni lejn kmieni dan ix-xahar, li ż-żewġ kandidati ġew ikkunsidrati bħala idonji għal kariga ta’ Kap Nazzjonalista kienet waħda prematura u bla bażi.

Qalu li jrid isir kull sforz biex jiġu evitati dikjarazzjonijiet simili li jservu biex joħolqu taħwid fost it-tesserati u l-pubbliku inġenerali.

It-tliet persuni li għarblu lil Delia u Grech qalu wkoll li d-dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li d-due diligence jkun obbligatorju biss f’elezzjonijiet futuri kienet dikjarazzjoni vojta u serviet biss biex tiddemoralizza lill-persuni li kienu qed jagħmlu d-due diligence.

Intant il-Ġimgħa Adrian Delia mar jitfa’ n-nomina għal kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Miegħu kien hemm il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo.

Min-naħa tiegħu, Bernard Grech mar jitfa’ n-nomina nhar it-Tlieta, mingħajr ma kien għadu ma ġie ppubblikat ir-rapport tad-due diligence dwaru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend