Id-‘due diligence’ dwar Bernard Grech u Adrian Delia juri li t-tnejn li huma mhumiex idonji – il-PL – One News

Notifiki

Id-‘due diligence’ dwar Bernard Grech u Adrian Delia juri li t-tnejn li huma mhumiex idonji – il-PL

Ir-Rapport ta’ ‘Due Diligence’ dwar il-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed li lanqas jinkludi l-konklużjoni li turi jekk Bernard Grech u Adrian Delia humiex idonji biex jikkontestaw għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard innutat kif żewġ paġni biss mir-rapport huma dwar Bernard Grech u l-kumplament huwa dwar Adrian Delia.  Qalet li dan huwa rapport żbilanċjat li huwa bbażat biss fuq rapporti tal-midja u fuq l-ebda dokumenti konkreti.  Dan hekk kif ir-rapport jipprova jitfa’ dell ikrah fuq Delia, mingħajr ma jasal li jiskwalifikah.

“Ir-rapport ta’ due diligence fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jammetti stess, fl-istess rapport, li ma kellhomx biżżejjed, li l-kummissjoni ma kelliex biżżejjed ħin u riżorsi sabiex tagħmel konklużjonijiet apropjati. Tant kemm hu hekk li lanqas biss fih konklużjoni li jiena rajtha ovja pero mhux qiegħda fir-rapport, jekk Bernard Grech u Adrian Delia għaddewx mid-due diligence test, u jekk humiex idoneji għall-pożizzjoni ta’ kap tal-Partit u kap tal-Oppożizzjoni.” 

Stqarret li b’dan ir-rapport il-membri tal-Partit Nazzjonalista ma jistgħux iserħu rashom li b’kandidat jew ieħor bħala Kap, l-istorja mhux ser tirrepeti ruħha.

L-ewro-parlamentari Laburista, Alex Agius Saliba spjega kif dan ir-rapport juri kif issa l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ kandidati li t-tnejn illi huma huwa kkonfermat li evadew it-taxxa b’rapport stess ta’ ‘due diligence’ mill-Partit Nazzjonalista.

Innota wkoll kif ir-rapport stess iddikjara kif Bernard Grech innifsu naqas milli jippreżenta d-dokumenti kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tingħata stampa ċara dwaru u għalhekk beda jaħbi lill-Partit li qiegħed jaspira li jmexxi.

“Hija ħasra kbira li Partit li huwa l-Partit tal-Oppożizzjoni f’dan il-pajjiż spiċċa f’din is-sitwazzjoni illi l-eluf ta’ tesserati illi għandu spiċċaw ma jistgħux jagħżlu kap illi huwa diċenti, li fl-aħħar mill-aħħar jirrapreżenta l-messaġġ illi l-Partit Nazzjonalista ta’ kuljum qiegħed jipprova jmexxi l-quddiem, il-messaġġ tat-trasparenza u l-kontabilitá.  Għandna żewġ kandidati li t-tnejn illi huma m’għandhom l-ebda kredenzjali illi jitkellmu fuq governanza tajba. fuq trasparenza, fuq kontabilità. 

Agius Saliba kkwota mir-rapport tal-bord tal-esperti u kif dawn qalu li Bernard Grech ma tax id-dokumenti kollha meħtieġa biex tkun tista’ titfassal stampa ċara dwaru.  Innota wkoll kif Adrian Delia wkoll għandu ħafna għal xiex iwieġeb hekk kif dan ir-rapport imexxi l-quddiem numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend