L-Avukat Elaine Degiorgio ta’ 26 sena nħatret chairperson tal-Fondazzjoni iDEAT.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn intqal li permezz ta’ din il-kariġa l-ġdida hija se tkun qed tifforma parti mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Elaine Degiorgio bdiet timmilita fil-Partit Laburista bħala uffiċjal tar-riżorsi umani fil-Forum Żgħażagħ Laburisti u aktar tard Segretarja tal-Bord tal-Fondazzjoni iDEAT.
Degiorgio qalet kif il-viżjoni tagħha hija li l-Fondazzjoni sservi bħala think tank tal-Partit Laburista, fid-dawl li s-soċjetà ta’ kuljum qiegħda tinbidel u l-prijoritajiet dejjem jinbidlu. Hija kompliet tgħid kif permezz t’hekk, di il-fondazzjoni tista’ tkun il-magna ta’ ideat tal-Partit Laburista li tirrifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies.
F’din l-istqarrija ntqal kif il-Partit Laburista jirringrazzja lil Dominic Grech, li riċentament ħa l-irwol ta’ Sindku tal-lokalità tas-Siġġiewi, għall-ħidma tiegħu tul l-aħħar erba’ snin bħala Chairperson ta’ din il-fondazzjoni.
Grech qal kif huwa serva f’dan l-irwol b’entużjażmu u qal kif din il-fondazzjoni żviluppat f’think-tank effettiva. Huwa kompla jgħid kif m’għandux dubju li taħt it-tmexxija ta’ Elaine Degiorgio din il-fondazzjoni se tkompli tibni fuq it-tajjeb li sar f’dawn l-aħħar għaxar snin mit-twaqqif ta’ din il-fondazzjoni.