Din is-sena l-karus tal-Istrina se jinbidel, hekk kif minflok il-kontenitur tal-plastik f’forma ta’ qażquq, li wara jintrma u jżid mal-iskart mhux riċiklabbli, se jkun magħmul mill-kartun u se jkollu stampati fuqu tpinġijiet magħmulin mit-tfal tal-iskola.
L-għan tal-Biggy Pank huwa li jinġabru l-flus mit-tfal tal-iskola għall-fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li l-qofol tiegħu jkun l-għada tal-Milied waqt l-Istrina.
Kienu 91 tifel u tifla li ħadu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpinġija li ġiet organizzata għal dan il-għan. Kienu tlieta mit-tpinġijiet li ntagħżlu sabiex immorru għal fuq il-karusijiet. Iżda l-bqija tat-tpinġijiet l-oħra se jintużaw mod ieħor mill-Community Chest Fund.
Dawn it-tfal ġew rikonoxxuti mis-Sinjura Miriam Vella, mart il-President ta’ Malta permezz ta’ attività. Is-Sinjura Vella qassmet lil kull tifel u tifla ċertifikat tal-parteċipazzjoni u tkellmet magħhom dwar kif għexu ż-żmien fejn ma setgħux imorru l-iskola minħabba l-miżuri meħudin fil-kuntest tal-pandemija.