L-attività annwali tan-Notte Bianca fil-Belt Kapitali din is-sena se ssir b’mod differenti. Din l-attività se tkun mibdula f’attivititajiet distinti u separati mifruxa bejn ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru li ġej.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali fejn qalet li ħadet din id-deċizzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta u dan sabiex jiġu rispettati u mħarsa saħħet il-pubbliku ġenerali kif ukoll tal-artisti fid-dawl tal-pandemija. Intqal kif matul dawn l-attivitajiet se jkunu qegħdin jittieħdu l-miżuri applikabbli u neċessarji f’kull attività.
Il-Ministru għall-Kultura u l-Arti Josè Herrera qal kif dawn huma żminijiet ta’ sfidi, iżda xorta waħda jridu jinstabu soluzzjonijiet sabiex jingħata l-appoġġ meħtieġ lill-artisti lokali.
F’din l-istqarrija ntqal kif Festivals Malta qegħda taħdem fil-qrib mal-artisti sabiex il-programm jinbidel f’kuntest ta’ kollaborazzjoni sħiħa. F’din l-istqarrija ntqal li l-attivitajiet li kellhom isiru f’lejl wieħed, se jsiru matul dawn il-ġimgħat. Dawn l-attivitajiet se jħarsu l-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet kollha maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.