Raġel ta’ 49 sena mill-Mosta qed jinżamm arrestat wara li allegatament seraq makkinarju ta’ skavar minn Ħal Qormi.
Kien il-Ħamis filgħodu xħin il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi ġew infurmati li matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis insteraq makkinarju ta’ skavar minn sit tal-kostruzzjoni fi Triq l-Erba’ Qaddisin.
Immedjatament il-pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha, fejn wara xi ħin daħlet informazzjoni li l-makkinarju jista’ jkun qiegħed f’razzett fl-Imtaħleb.
Siegħa biss wara li sar ir-rapport, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi flimkien ma’ dawk tar-Rabat u r-Rapid Intervention Unit, marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk sabu lil raġel ta’ disgħa u erbgħin sena u l-makkinarju misruq minn Ħal Qormi.
Fi tfittxija li għamlet fir-razzett, il-pulizija sabet diversi vetturi, ħafna minnhom żarmati li kienu rrapurtati misruqa bejn Marzu u Lulju ta’ din is-sena.