Meta nieda l-kampanja tiegħu għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, fid-daħla tal-istamperija, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi gideb dwaru.
Il-Ħamis filgħaxija, hu u dieħel għal-laqgħa tal-eżekuttiv, Jason Azzopardi prova jagħti x’jifhem li kien Adrian Delia li żamm milli jiġi ippubblikat ir-rapport ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
“Min qed iżomm milli jiġi ppubblikat ir-rapport tad-due diligence.”
“Naħseb huwa ovvju min qed iżomm, issa jekk il-bambin f’din il-laqgħa tal-eżekuttiv tiġi riżolta wkoll.”
“Adrian Delia meta tgħid huwa ovvju?”
“Grazzi ħafna, grazzi ħafna.”
Adrian Delia mill-ewwel prova jevita l-mistoqsija iżda imbagħad qal li Jason Azzopardi gideb.
“Saqsejtni sorry għax nsejt … gideb. Min qal li jien ma ridtx nippublika r-rapport gideb.”
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet spikkaw il-batuti lejn Bernard Grech u l-fazzjoni Busuttil li ma tridux jerġa’ jitla’ Kap.
Wara li l-biċċa l-kbira tad-deputati Nazzjonalisti sfiduċjawh erba’ darbiet, Adrian Delia qal li issa qalulu li lesti jaħdmu miegħu.
“Jien kellimt diġà lil ħafna. Il-biċċa l-kbira disposti jservu lill-PN ikun hemm min ikun hemm Kap.”
F’botta oħra lejn dawk li qed jappoġġjaw lil Bernard Grech, Delia qal li issa jiddependi minn dawk ir-ribelli li ma jkunux iridu jservu taħtu.
“Naħseb min ma jkunx irid, ikun in-nuqqas ta’ dak id-deputat li jagħżel l-interessi tiegħu l-ewwel.”