“Kienet diffiċli biex niffirma ħalli binti titlef għajnejha” – omm tifla li kellha tumur f’għajnejha  – One News

Notifiki

“Kienet diffiċli biex niffirma ħalli binti titlef għajnejha” – omm tifla li kellha tumur f’għajnejha 

Kendra, tifla ta’ ħames snin li f’età daqshekk tenera diġà kellha dduq mill-qrusa li taf toffri l-ħajja.  Dan hekk kif ta’ sena u tmien xhur feġġilha tumur f’għajnejha.

Joeline Cassar, omm Kendra, li magħha batiet it-triq kollha, qaltilna kif żjara s’għand it-tabib minħabba ftit deni li telgħalha t-tifla, spiċċa wassal biex jinstabilha t-tumur f’għajnejha. Stqarret li kien it-tabib li bagħtha fit-taqsima tal-ENT biex hemmhekk indunaw li t-tifla kellha retinoblastoma.

Stqarret li din l-aħbar kienet bħal sajjetta fil-bnazzi: “Huma mill-ewwel qalulna li trid titneħħa l-għajn għax il-grade kien kbir.  Dak il-ħin tieħu xokk, lanqas tkun taf x’inhu jiġri. Ma tridha fuq ħadd aħseb u ara fuq uliedek.”

Minn hemm bdew l-arranġamenti sabiex fi ftit jiem hija kienet mat-tifla tagħha fl-Ingilterra sabiex tingħata t-trattament meħtieġ. Minħabba l-gravità tat-tumur qalulha li għajn it-tifla kellha titneħħa biex hi tkun tista’ tgħix. Stqarret li d-daqqa ta’ pinna li kellha tagħmel biex tagħti l-kunsens tagħha għall-operazzjoni kienet l-itqal ħaġa li qatt kellha tagħmel f’ħajjitha, iżda ma kelliex triq oħra.

Joeline sostniet: “L-iktar ħaġa diffiċli hi li trid tiffirma biex titneħħa għajn it-tifla tiegħek.  M’għandekx option, jew titneħħa l-għajn jew tmut u li ma tistax ittieha jew donor, ma jista’ jsir xejn din qatt.”

Biex titla’ l-Ingilterra Joeline kellha tħalli żewġt itfal oħra Malta u spjegat kif il-piż finanzjarju huwa wkoll wieħed kbir hekk kif Kendra kellha tibqa’ titla’ l-Ingilterra kull xahrejn għat-trattament.

Dan filwaqt li Malta wkoll ingħata żewġ ċikli ta’ kimoterapija sabiex ikunu ċerti li t-tumur ma jkunx infirex għal partijiet oħra ta’ ġisimha.  Stqarret li f’dan kollu, l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund kienet kruċjali.

Joeline saħqet: “Li kieku ma jkunx għall-Community Chest Fund, iebsa biex titla’ kull xahrejn imma qed nitilgħu kull sitt xhur,  Iebsa biex ..  ikollok tlett itfal. Il-piż ikun kbir ħeqq trid tiekol, trid tieħu ħsiebha, trid titla’ magħħa.”

B’din l-għajnuna llum Kendra tista’ tibqa’ tgħix ħajjitha b’mod normali filwaqt li tkun tista’ tibqa’ titla’ l-Ingilterra għal-viżti meħtieġa.

L-appell jibqa’ biex il-Malta Community Chest Fund tibqa’ tirċievi l-għajnuna, partikolarment nhar il-Ħadd li ġej waqt il-maratona ġbir ta’ fondi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend