Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali għaż-żgħażagħ 2021-2030 – One News

Notifiki

Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali għaż-żgħażagħ 2021-2030

Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali għaż-żgħażagħ għall-għaxar snin. Din il-politika tkompli fuq il-ħidma li saret permezz tal-istrateġija tal-preżent.

Din il-politika nazzjonali għandha l-isem ‘Towards 2030-Reaching Out to, working with and supporting young people’ se tkopri ż-żgħażagħ kollha li għandhom bejn it-tlettax u t-tletin sena.

Dan id-dokument ta’ diskussjoni jara li jiżgura li dawk in-nies, gruppi u organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu għal maż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw b’mod attiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija żgħażagħ, Miriam Theuma spjegat kif din il-politika ser tkun qed tara kif tħejji liż-żgħażagħ u tgħinhom fil-fażijiet ta’ tranżizzjoni f’ħajjithom.

Hija qalet: “Hemm direzzjoni oħra li hija direzzjoni diġitali, id-diġitalizzazzjoni issa kibret, hemm differenza kbira bejn issa u ħames snin oħra u allura issa importanti li din l-istrateġija tiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni, kemm kif naħdmu maż-żgħażagħ b’mod diġitali u anke biex iż-żgħażagħ ikollhom l-istess ħiliet diġitali.”

Liam Axisa mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ukoll laqa’ din il-konsultazzjoni pubblika u stqarr li ser ikunu qed jagħmluha iżjed faċli sabiex iż-żgħażagħ jieħdu sehem u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar din il-politika l-ġdida.  Dan filwaqt li nnota li bosta miri huma ambizzjużi u għalhekk ser ikun hemm bżonn il-kooperazzjoni ta’ kulhadd.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li din il-politika tipprovdi wkoll pedamenti sodi għall-iżvilupp ta’ politika nazzjonali ġdida dwar iż-żgħażagħ. Stqarr li l-din il-konsultazzjoni pubblika ser tpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru ta’ din il-politika hekk kif iż-żgħażagħ li huma protagonisti ta’ din il-politika qed jingħataw l-ispazju sabiex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar din il-politika.

Huwa sostna: “Qegħdin naraw li nagħmlu konsultazzjoni pubblika, konsultazzjoni pubblika illi ħa tkun essenzjali u determinanti f’dak li huwa tfassil tal-politika għal dan is-settur għal dawn l-aħħar snin li ġejjin. Li fihom irridu naraw li ż-żgħażagħ ikollhom irwol ċentrali, jilħqu l-iżvilupp sħiħ u dan jista’ jinkiseb biss billi ż-żgħażagħ ikollhom irwol ċentrali, jilħqu l-iżvilupp sħiħ li jista’ jinkiseb biss billi jkun hemm is-sapport u s-sostenn neċessarju sabiex dawn l-istess żgħażagħ, ikunu jistgħu jieħdu sehem attiv fis-soċjetà tagħna f’diversi setturi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *