Delia jgħid li Bernard Grech ikkupjalu l-kampanja tiegħu

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li Bernard Grech ikkupjalu l-proposti li kien nieda fl-ewwel kampanja tiegħu għall-Kap fis-Sajf tal-2017.

Adrian Delia qal dan fuq waqt intervista fuq l-istazzjon F Living meta kien mistoqsi dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Bernard Grech fit-tnedija tal-kampanja tiegħu.

Delia qal: “Dikjarazzjonijiet sbieħ u tajbin. Jekk nista’ ngħaddi botta simpatika huma prattikament is-suċċint ta’ dak li kienet il-kampanja tiegħi 3 snin ilu meta jiena kont ikkandidajt lili nnifsi għall-ewwel darba bħala Kap tal-Partit.”

Ma naqsux ukoll il-botti fil-konfront ta’ Grech fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat dwaru dwar ħlasijiet pendenti tat-taxxa u tal-VAT.

F’botta fina, Delia saħansitra qal kif il-karriera tiegħu bħala avukat kienet ħafna aktar wiesgħa minn dik ta’ Grech.

Huwa sostna: “Tajniehom id-dokumentazzjoni kollha, issa fil-każ tal-persuna l-oħra Bernard, ma nafx x’issottometta hu, għax minn dak li qal kellu x-xogħol tiegħu pjuttost ddedikat f’parti ċkejkna tas-settur legali imma jiena kelli karriera wiesgħa u mifruxa fuq diversi setturi inkluż fil-kummerċjal, fil-litigazzjoni, fl-internazzjonal, fil-corporate.

Ma hemm ebda ħaġa waħda li kienet out of place. Ma hemm ebda kumpanija waħda li jiena ma kontx imxejt sewwa.”

Waqt il-programm bdew deħlin it-telefonati mill-partitarji ta’ Delia u mal-ewwel beda ħiereġ l-odju fil-konfront tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ntefgħet b’ruħha u ġisimha wara Bernard Grech.

Il-partitarju li ċempel qal: “Wara ftit bdew min itih daqqa tas-sieq minn hawn min jgħid li għandu bagalja minn hemm, min jgħidlu li għandu bagalja mill-oħra, min jgħidlu li għandu tal-prostituzzjoni…

Fuq li ġara fuq din tad-due diligence jiena lilu ħa nivvota.”

Minn hawn Delia fetħilha bil-qawwi kontra id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li miegħu għandu każijiet il-Qorti.

Attakkah dwar il-kritika li qajjem fil-konfront tal-ħaddiema tal-midja Nazzjonalista.

Meta kien mistoqsi: “Kien hemm xi deputat, ikkoreġini jekk ma fhimtekx sew li kkritika lill-midja tal-Partit stess. X’kien il-każ?”

Delia wieġeb: “Kieku kritika biss b’xi mod imma żeblahom hu. Żeblahom u għajjarhom.”

Saħaq li dan huwa inaċċettabli: “Ikollok deputat li joħroġ jattakhom b’dak il-mod huwa totalment inaċettabbli.

Kien aħbar minn tagħna li ried li Jason Azzopardi tingħata iktar prominenza u għax dehrlu hu fis-sapjenza kollha tiegħu li din il-prominenza ma kinetx biżżejjed jew ma tħabbritx bil-prominenza li xtaq hu ħareġ jattakka pubblikament lill-midja tagħna.”

Malli semgħu kliem Delia fil-konfront tal-akbar għadu tiegħu, il-partitarji ta’ Delia għal darb’oħra fetħulha bil-qawwa kontra Jason Azzopardi.

Partitarja li ċemplet fil-programm qalet: “Għaliex Jason Azzopardi ma ħariġx biex ikun Kap tal-Oppożizzjoni? Jiddeffes f’kollox u hu kissirulna l-Partit. Nixtieq ngħidilhom kemm aħna rrabjati għalihom dik il-konfoffa li tixtieq tneħħilna lil Adrian minn hemm.

Dik kollha għidra u mibegħda.”

Bil-partitarji tiegħu warajh, Delia reġa’ fetħilha kontra r-ribelli u kif użaw kull skuża sabiex itajruh mit-tmun tal-Partit.

Huwa saħaq: “Ma tistax inti għax għandek pjan ta’ 5 snin tieqaf nofs triq għax hemm survey. Jiġifieri kull kemm ħa nagħmluh is-survey? Kull sena, kull sentejn, noqgħodu inbiddlu l-kapijiet kull 6 xhur? Kull meta xi ħadd jien naf it-Times ifettillu jagħmel editorjal?

Tkomplux tigdbu. Tkomplux tidħku bin-nies. In-nies jixirilqhom il-verità u jixirilqhom il-vertità kollha.”

Sadanittant it-telefonati ta’ appoġġ lejn il-Kap baqgħu ma qatgħux, il-partitarji li ċemplu qalu:

“Jien ħa nivvota lil Adrian għax irrid niddiżassoċja ruħi minn dawk ir-ribelli. Minn dawk li vvutaw kontrih.

“Jien nisimek titkellem għasel. Bis-serjetà ta’ għasel  għax il-kliem li tgħid vera xejn ħa ngħidlek.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend