Is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani hija stabbli – One News

Notifiki

Is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani hija stabbli

Is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani fejn hemm pazjenti li rriżultaw fil-pożittiv għal Covid-19 hija waħda stabbli u li se tibqa’ tiġi mħarsa mill-Awtorità għall-istandards tal-Ħarsien Soċjali u l-awtoritajiet tas-Saħħa.

Ikkonferma dan ma’ ONE News Matthew Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-istess awtorità, li spjega kif hu u t-tim tiegħu ilhom xhur jimplimentaw pjan għal dan iż-żmien biex l-anzjani u l-ħaddiema kollha jkunu mħarsa.

Is-Sur Vella spjega: “Morna għal miżura aktar tanġibbli, u dawk il-persuni pożittivi nfirdu minn dawk negattivi f’sular differenti. Dawk li huma negattivi se jittieħdilhom test kull tliet ijiem. Aħna ilna għaddejjin bl-ittestjar flimkien ma’ tas-Saħħa Pubblika għal dawn l-aħħar xhur, u saru aktar minn 10,000 swab.”

 Spjega wkoll li l-prijorità f’dan kollu dejjem kienet il-kontroll tal-infezzjoni: “L-attivitajiet fid-djar se jibqgħu jsiru, bi protkoll ta’ mhux aktar minn gruppi ta’ 15, li jkunu għaddew mill-Awtorità u mis-Saħħa Pubblika, u b’hekk nassiguraw li kull ma jsir isir b’mod strutturat u bi pjan. Sar ukoll assessjar fuq il-kontroll tal-infezzjonijiet u nassiguraw li l-virus ma jkomplix jinfirex.”

Anke kif imħabbar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mill-Gvern, Vella semma wkoll l-għajnuna li dawn ir-residenzi qed jirċievu minn professjonisti mediċi.

Huwa sostna: “Tul dawn l-aħħar ġranet daħlu professjonisti jiċċekkjaw il-kontroll tal-infezzjonijiet u daħlu wkoll tobba mediċi. Qed naraw li għandna għajn medika tħares is-sitwazzjoni tal-pazjenti. Ir-rapport li għandna juri sitwazzjoni stabbli.”

Huwa fuq kollox fakkar kif anke l-ħaddiema tad-djar stess għamlu sagrifiċċji kbar biex l-anzjani kollha jkunu protetti bl-aqwa mod: “Il-flessibbiltà, it-taħriġ u l-professjonalità, meta ngħaqqduhom flimkien inkunu qed nimplimentaw il-pjan imma fuq kollox nassiguraw l-aħjar interess tal-anzjani u nagħtuhom kwalità tajba.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *