Ir-rapporti ta’ due diligence fil-PN qed iqajmu iżjed ġlied – One News

Notifiki

Ir-rapporti ta’ due diligence fil-PN qed iqajmu iżjed ġlied

Ir-rapport ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qed ikun sors ta’ ġlied ieħor bejn iż-żewġ fazzjonijiet li qed jitqabdu għar-riedni tal-partit.

Sa issa għadhom ma ġewx ippubblikati r-rapporti ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati anki jekk huma qalu li jixtiequ li dan isir pubbliku.

Iż-żewġ kandidati li issa huwa magħruf li t-tnejn għandhom dellijiet fuqhom mhux jaqblu fil-mod kif dawn għandhom jiġu ppubblikati r-rapporti.

Nhar it-Tlieta, Bernard Grech, il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil mar jitfa’ n-nomina għal Kap tal-Partit Nazzjonalista mingħajr ma ppubblika r-rapport ta’ due diligence li sar fuqu mill-istess partit li qed jaspira li jmexxi.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa esponent ewlieni li qed jimmonta l-kampanja ta’ Grech tefa’ botta lejn Delia bħala l-persuna li qed iżżomm li jiġi ppubblikat ir-rapport ta’ due diligence.

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li hu jrid li jiġi ppubblikat ir-rapport iżda saħaq li skont l-istatut tal-partit, il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għandha l-obbligu li tibgħat ir-rapport tad-due diligence lill-Kummissjoni Elettorali u l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.

Qal li f’laqgħa tal-Amministrattiv, hu se jressaq mozzjoni biex dan ir-rapport ta’ due diligence jiġi ppubblikat.

Intant żewġ editorjali fil-gazzetti nnuttaw is-sitwazzjoni prekarja li teżisti fil-Partit Nazzjonalista.

L-editur tal-Independent saħaq li kemm Delia u Grech għandhom problemi fi ħlasijiet tat-taxxa.

L-editorjal tal-ġurnal indipendenti staqsa jekk il-kummissjoni tal-partit aċċettat liż-żewġ persuni bħala kandidati, anki jekk ħarġu stejjer kbar dwarhom, x’kien il-bżonn li jsir is-suppost skrutinju?

Intqal li dawk id-deputati u nies li sfiduċjaw lil Delia issa jridu jġibu xi ħadd li l-passat tiegħu huwa mtappan bi problemi fiskali, xi ħaġa li dejqithom ħafna dwar Delia, kemm hi ironika l-ħaġa.

Dan b’referenza ċara għas-saga marbuta ma’ Bernard Grech fejn dan naqas iħallas eluf kbar t’ewro ta’ taxxa u VAT, saħansitra wħud mill-kontijiet imorru lura għal disa’ snin ilu.

L-Independent qalet li l-Partit Nazzjonalista huwa partit diżorganizzat, b’nuqqas ta’ motivazzjoni u mifrud.

Anki l-gazzetta Maltatoday tkellmet dwar it-tellieqa għat-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista.

L-editur qal li l-partit se jkollu elezzjoni għat-tmexxija mingħajr sens ta’ tmexxija.

“Flok qed juri l-viżjoni tiegħu, Bernard Grech qed ikun kostrett jiddiskuti l-problemi fil-ħlas tat-taxxa u jirrispondi dwar għaliex ħallas il-kontijiet pendent wara li ddeċieda li joħroġ għal Kap tal-Partit Nazzjonalista”, saħaq l-editur tal-Maltatoday.

Il-Maltatoday kitbet li flok qed nisimgħu liż-żewġ kandidati jitkellmu fuq temi li jolqtu l-pajjiż, bħall-ambjent, qed nispiċċaw nisimgħuhom jitkellmu fuq il-problemi finanzjarji tagħhom.

Fil-jum tat-Tlieta, Bernard Grech preżenta l-punti li jixtieq jaħdem fuqhom u hawnhekk ukoll imkien ma semma xi tip ta’ viżjoni jew proposti għall-pajjiż.

Il-Partit Laburista kien sejjaħ il-proċess ta’ due diligence li għamel il-Partit Nazzjonalista fuq Delia u Grech bħala wieħed superfiċjali u saħaq li fil-verità ma hemmx għażla.

Intqal li s-suppost eżerċizzju t’għarbiel, minflok wera standards ta’ trasparenza, wera segretezza hekk kif inżamm kollox mistur fil-konfront taż-żewġ kandidati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend