Facilità ġdida għall-ħatt tal-ħut f’Marsaxlokk b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro – One News

Notifiki

Facilità ġdida għall-ħatt tal-ħut f’Marsaxlokk b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro

B’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, kofinanzjati b’fondi Ewropej, ġiet inawgurata faċilità ġdida biswit il-moll f’Marsaxlokk għall-ħatt tal-ħut.

Faċilità li hija mgħammra b’dak kollu li l-uffiċjali fid-Dipartiment tas-Sajd ikollhom bżonn biex iwettqu d-dmirijiet ta’ infurzar tagħhom bl-aqwa mod possibbli.

Dan il-proġett mistenni jiffaċilita ħajjet is-sajjied, mhux biss għaliex jinsab f’post strateġiku fejn il-ħut jista’ jinħatt mill-ewwel imma wkoll għax il-faċilità tinkorpora fiha kamra fejn il-ħut jista’ jiġi ffriżat.

Dan jgħin lill-uffiċjali tas-sajd fil-ħidma tagħhom biex jinqabad il-ħut illegali u jkun aċċertat li ma jinbigħx, kif spjega d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, Bjorn Callus.

Huwa qal: “Meta s-sajjieda jidħlu f’dan il-port ta’ Marsaxlokk, jiġu hawnhekk, ikun hawn l-uffiċjali tagħna qed jistennewhom fejn isir l-għadd tal-ħut, tintiżen il-ħuta, għandna l-faċilità ta’ krejn għal ħut kbir u għal ċertu piżijiet, għandna faċilità ta’ chiller room ukoll fejn il-ħut jista’ jinżamm iffriżat, u għandna wkoll uffiċċju u dan importanti ħafna għax apparti l-faċilità tal-ħatt, din ħa tkun qed tintuża wkoll bħala front office u eventwalment one stop shop għas-sajjieda tagħna.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li dan huwa proġett li jagħti aktar viżibbiltà lis-settur tas-sajd, filwaqt li jixpruna l-aspett tal-infurzar.

Huwa stqarr: “Għandek fuq naħa waħda l-estensjoni tal-moll li wkoll sar b’fondi tal-Unjoni Ewropea imbagħad għandek din il-faċilità li flimkien sejrin jingħaqdu sabiex is-sajjied ikun jista’ jiżbarka aħjar il-ħut u jkun jista’ jimmanuvra aħjar l-opra tal-baħar tiegħu.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ kif Fondi Ewropej tal-pakkett għas-snin 2014-2020 qed jintużaw b’risq is-settur tas-sajd.

Żied li dan se jkun żgurat li jibqa’ jsir fis-seba’ snin li ġejjin fl-akbar pakkett ta’ fondi li kiseb pajjiżna mill-Unjoni Ewropea f’Lulju li għadda.

Huwa qal: “Fondi li jintużaw biex inkomplu nagħtu aktar assistenza u nkomplu ntejbu u nġeddu dan il-qasam importanti li wara kollox għalkemm mhuwiex settur kbir, jagħtina ikel bnin li jġibu s-sajjieda.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend