Studenti Għawdxin se jibdew imorru dirett fost oħrajn l-Università b’tal-linja diretta miċ-Ċirkewwa – One News

Notifiki

Studenti Għawdxin se jibdew imorru dirett fost oħrajn l-Università b’tal-linja diretta miċ-Ċirkewwa

Minn Ottubru li ġej, se tibda topera rotta ġdida tat-trasport pubbliku bl-isem ta’ X300, li se tkun qed tgħaqqad it-Terminal fiċ-Ċirkewwa mal-Università, l-Isptar Mater Dei, Junior College u l-Belt Valletta.

Din ir-rotta l-ġdida se tkun qed timxi mal-iskeda tal-vapur tal-Gozo Channel u se topera biss fil-waqfiet taċ-Ċirkewwa, ħdejn l-Isptar Mater Dei u l-Università, ħdejn Junior College. Dan il-vjaġġ se jieħu madwar siegħa u se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-sitta ta’ filgħodu sas-sebgħa nesqin kwart ta’ filgħaxija.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal kif il-Gvern huwa impenjat sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-Ministru Borg spjega kif dan is-servizz tat-trasport għal dawk li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu se jkun wieħed effiċjenti u fost oħrajn se jgawdu l-istudenti Għawdxin.

Huwa qal: “Dan huwa pass importanti biex aktar minn erbat’elef ħaddiem li jinżel ta’ kuljum għax-xogħol Malta, iktar minn elf student Għawdxi li jmur il-Junior College jew l-Università se jkollhom din ir-rotta diretta.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan hu pass importanti sabiex jonqos id-dewmien tal-Għawdxin biex jaslu fil-post tax-xogħol jew fl-istituzzjoni edukattiva li jattendu.

Il-Ministru Camilleri sostna: “Dan qegħdin nagħmluh biex niffaċilitaw il-ħajja ta’ dawk kollha Għawdxin li jaqsmu ta’ kuljum lejn il-gżira ta’ Malta kemm għal xogħol, kif ukoll għall-edukazzjoni.”

Din ir-rotta ntlaqgħet tajjeb mill-Għawdxin li jiġu Malta biex jaħdmu u jistudjaw.

Is-Sur Christian Magrin mill-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon għalina, għaliex mhux biss se taqdi din id-domanda ta’ diversi persuni li jivvjaġġaw f’diversi postijiet strateġiċi ġewwa Malta biex imorru fuq il-post tax-xogħol, iżda għaliex ukoll din se ttejjeb l-effiċjenza tat-trasport pubbliku għal kulħadd.”

Is-Sur Mark Farrugia President tal-GUG saħaq: “Pass importanti, kemm fil-ħajja ta’ student Għawdxi, kif ukoll għall-ħaddiema Għawdxin, hija rotta diretta miċ-Ċirkewwa lejn l-Università u lejn iċ-ċentru tal-Imsida, fejn il-biċċa l-kbira tal-Għawdxin jgħixu l-ħajja Universitarja tagħhom.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend