Proġetti fil-komunità kontra l-vizzju tad-droga – One News

Notifiki

Proġetti fil-komunità kontra l-vizzju tad-droga

Ħmistax-il għaqda mhux governattiva u kunsilli lokali ngħataw donazzjoni ta’ tliet elef ewro bħala parti mill-iskema ‘Achievers’.

Din l-iskema li tiswa disgħin elf ewro, għandha l-għan li teduka lit-tfal u żgħażagħ biex joqgħodu ‘l bogħod mill-vizzju tad-droga.

Dawn il-ħmistax-il proġett intagħżlu minn Bord tal-Għażla minn fost erbgħa u erbgħin proġett.

Waqt din is-serata tkellimna ma’ wieħed mir-rebbieħa ta’ din l-iskema, Neil Portelli li kien qiegħed jirrappreżenta lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien.

Il-proġett tal-Kunsill lokali Tarxiniż qed jippromovi l-attività fiżika u anke l-għarfien dwar il-ħsara li tagħmel id-droga ġewwa din il-lokalità, fejn kollox qed isir mill-kumdità tad-dar tagħhom minn fuq il-midja soċjali.

Is-Sur Neil Portelli, Kunsilleir Tarxiniż spjega: “Prattikament qed naraw li l-involviment taż-żgħażagħ mas-snin jonqos fir-raħal. Allura naħsbu li permezz ta’ din l-iskema tista’ tkun ta’ għajnuna sabiex jinvolvu ruħhom aktar fis-soċjetà.”

Preżenti għat-tħabbira tar-rebbieħa ta’ din l-iskema kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.

Hija qalet kif permezz ta’ dawn il-fondi qiegħed jitkabbar l-għarfien fost il-komunitajiet Maltin u Għawdxin fuq dan is-suġġett.

L-Onor. Cutajar stqarret: “Bħala Gvern aħna niskorraġixxu l-użu tad-droga, iżda fl-istess waqt nirrikonoxxu r-realtajiet li għandna f’pajjiżna. Huwa permezz ta’ dan il-programm, permezz ta’ dawn il-fondi li qegħdin ninvestu biex ikollna iżjed għarfien fuq livell lokali u anke fil-komunitajiet tagħna dwar dan is-suġġett.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend