Il-Prim Ministru jgħid li se jixpruna strateġija ekonomika ġdida għal Għawdex – One News

Notifiki

Il-Prim Ministru jgħid li se jixpruna strateġija ekonomika ġdida għal Għawdex

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li dan il-Gvern ser ikun qed jixpruna strateġija ġdida għal trasformazzjoni ekonomika totali tal-ekonomija Għawdxija.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt laqgħa tal-Kabinett f’Għawdex flimkien mal-isħab soċjali Għawdxin hekk kif saħaq li din l-istrateġija ser tgħin tkompli timbotta r-rankatura ekonomika li kisbet il-gżira tat-tliet għoljiet mill-2013 lil hawn.

“L-ambizzjoni tagħna għal Għawdex hija li tkun showcase tal-mudell ekonomiku ġdid ta’ pajjiżna. Biex inwettqu dan kollu ser inkun qed nitlob lill-aġenziji kollha, inkluż il-Malta Enterprise, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Bank tal-Iżvilupp Malti, biex ilkoll jiżviluppaw strateġija favur Għawdex, liema strateġija tkun diskussa u implimentata flimkien mal-aġenzija ġdida għall-iżvilupp reġjonali li waqqafna.”

Fost oħrajn semma t-tkabbir ekonomiku bla preċedent f’Għawdex tant li l-ekonomija Għawdxija kibret minn 1% fl-2012 għal-13% fl-2020.

Tkabbir ekonomiku li kien rifless l-aktar fiż-żieda tal-impjiegi f’Għawdex. Fil-fatt semma kif fl-aħħar sitt snin kull ġimgħa kien hemm żieda ta’ għaxar persuni jaħdmu meta mqabbel ma’ tnejn biss f’ġimgħa qabel l-2013.

Qal li ras għal ras, il-ġid nazzjonali f’Għawdex tela’ minn għaxart elef ewro għal aktar minn sittax-il elf ewro.

Spjega wkoll kif ħafna mill-impjiegi ġodda li nħolqu kienu fis-settur privat.

“Il-maġġorparti ta’ l-impjiegi ġodda kienu mas-settur privat biex il-proporzjoni li jaħdmu mas-settur privat tela’ minn 54% għal 61%.”

Intant il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-importanza li l-gżira Għawdxija tkompli tiddiversifika l-ekonomija tagħha sabiex tkun mutur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Sostna li dan jista’ jsir anke permezz ta’ aktar investimenti infrastrutturali, fosthom it-tieni fibre optic cable li flimkien ma proġetti oħra se jkun il-bażi għal Għawdex diġitali.

Dwar il-mina ta’ bejn Malta u Għawdex il-Prim Ministru Robert Abela qal li din ser twassal għall-opportunitajiet aktar indaqs għall-Għawdxin.

“Jiena meta nitkellem fuq dan is-suġġett udjenza waħda nżomm quddiem għajnejja, l-eluf ta’ ġenituri Għawdxin li jridu li uliedhom ikollhom futur aħjar minn tagħhom, bl-istess opportunitajiet ta’ żgħażagħ Maltin. Il-wegħda tiegħi li ser naħdem biex nilħqu dan il-għan.”

Minn naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri faħħar il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar snin sabiex kompla jitkattar il-ġid f’Għawdex. Sostna wkoll l-importanza li l-Gvern u l-isħab soċjali jibqgħu jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Għawdxin kollha.

Fil-fatt waqt l-interventi mill-isħab soċjali preżenti għal din il-laqgħa tal-Kabinett, iċ-Chairman tal-Awtorità l-ġdida, dik Reġjonali għall-Iżvilupp f’Għawdex, Michael Grech, enfasizza l-kollaborazzjoni ta’ din l-Awtorità flimkien mal-Gvern.

Is-Sur Michael Galea mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija faħħar l-għaqal tal-Gvern fejn b’miżuri importanti ġew salvati n-negozji fiż-żmien il-pandemija.

Huwa sostna wkoll kif fil-Budget li jmiss jixtieq jara iżjed miżuri li jkattru il-fiduċja fl-ekonomija Maltija hekk kif is-sitwazzjoni tal-pandemija għadha ma ntemmitx.

Is-Sur Galea faħħar miżuri tal-Gvern bħat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll fuq xiri tal-propjetà għal dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.

Spjega kif din il-miżura wasslet għal sostenn tal-industrija tax-xiri tal-propjetà tant li fl-aħħar xahrejn intlaħqu numri rekord ta’ iffirmar ta’ konvenji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend