Il-PM jgħid li l-ugwaljanza hija l-bażi ta’ kull sitwazzjoni – One News

Notifiki

Il-PM jgħid li l-ugwaljanza hija l-bażi ta’ kull sitwazzjoni

Waqt il-laqgħa ġenerali annwali, il-fergħa Laburista, Nisa Laburisti tressqet mozzjoni li tinkludi r-reviżjoni tal-liġi tad-divorzju biex tirrifletti aktar is-soċjetà kif inhi llum. Dan fid-dawl li l-liġi daħlet fis-seħħ fl-2011.

Dan filwaqt li Nisa Laburisti proponiet lill-Gvern biex iħejji studju dwar il-kwistjoni tax-xogħol flessibbli u dwar il-prostituzzjoni f’pajjiżna bil-għan li jiġu mħarsa dawk il-persuni vulnerabbli inkluż it-tfal.

Waqt il-laqgħa ġenerali annwali bit-tema Ideat Progressivi, Djalogu Apert, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela stqarr li l-ugwaljanza hija fatt u hija l-bażi ta’ kwalunkwe sitwazzjoni. Hu qal li l-ugwaljanza nwettquha fil-prattika u l-Prim Ministru semma numru ta’ rwoli importanti fis-soċjetà li fihom inħatru nisa.

Hu tkellem dwar il-mekkaniżmu korrettorju li se jidħol fis-seħħ għall-elezzjoni li jmiss li peremezz tiegħu ħa jkollna aktar rappreżentanza ta’ nisa fil-Parlament.

Hu sostna li f’irwoli li fihom kien hemm in-nisa, ir-riżultat b’mod konsistenti kien wieħed pożittiv.

Bi sħab u qbil mal-fergħa taż-żgħażagħ, l-FŻL, Nisa Laburisti qed tappella għar-riveżjoni tal-liġi tal-użu personali tal-kannabis.

Nisa Laburisti talbet ukoll li tiġi studjata l-liġi tal-IVF bil-għan li jiġi diskuss il-possibilità tas-surrogazija f’Malta permezz ta’ qafas regolatorju li jħares id-drittijiet ta’ kull persuna involuta.

Min-naħa tagħha l-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, stqarret li s-soċjetà titfana f’kaxxi u timponi fuq in-nisa diversi ideat. Hi stqarret li meta nitkellmu dwar l-ugwaljanza nitkellmu dwar id-drittijiet tan-nisa daqs kemm nitkellmu dwar id-drittijiet tal-irġiel.

Hi qalet li hemm bżonn li kemm id-drittijiet tan-nisa kif ukoll dawk tal-irġiel jiġu protetti u mħarsa.

Matulha tkellmet ukoll, il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango li fakkret il-kisbiet ta’ din il-fergħa u sostniet li l-mara għandha jkollha rwol fil-qalb tas-soċjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend