Il-Partit Laburista sejjaħ bħala superfiċjali d-due diligence li għamel l-Partit Nazzjonalista fuq iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia u Bernard Grech.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista talab sabiex il-Partit Nazzjonalista, li tant jippriedka fuq it-trasparenza, jippubblika r-rapport ta’ due diligence li sar fil-konfront ta’ żewġ kontestanti.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-whip tal-Partit Laburista Glenn Bedingfield u l-Avukat Andy Ellul intqal li l-Partit Nazzjonalista huwa partit maqsum u li ż-żewġ kandidati għat-tmexxija għandhom dellijiet.
“Fil-verità ma hemm l-ebda għażla bejn Adrian Delia u Bernard Grech”, saħaq il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista saħaq li s-suppost eżerċizzju ta’ diliġenza, minflok wera standards ta’ trasparenza, wera segretezza hekk kif inżamm kollox mistur fil-konfront taż-żewġ kandidati.
Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li l-proċess ta’ due diligence ħeba l-kondotta ta’ Bernard Grech u Adrian Delia, fil-ħajja tagħhom u dik professjonali u mhumiex idoniji għal kariga kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
“Jaħbi l-verità li zewġ kontestant mhumiex idoniji jkunu fil-kariga ta’ kap tal-Partit u kariga Kostituzzjonali.”
Bedingfield qal li l-Partit Nazzjonalista diġà għandu problema ta’ kredibilità u b’dan il-proċess superfiċjali, din il-problema kompliet tikber. Ġie rimarkat li li kieku ma wasalx għal ftehim ta’ pagamenti dwar il-kontijiet pendenti tat-taxxa u tal-VAT li akkumula matul is-snin, Bernard Grech seta’ jittella’ l-Qorti.
Min-naħa tiegħu l-avukat Andy Ellul rrefera għall-aħħar stqarrijiet tal-kandidat Bernard Grech li kellu kontijiet pendenti kemm tat-taxxa tad-dħul li jmorru lura sa disa’ snin ilu u anke ħlas tal-VAT sas-sena l-oħra. “Wieħed isaqsi xi process sar. Xi kriterji waslu ghal green light.”