Vittmi ta’ vjolenza domestika se jibdew jiġu pprovduti b’għajnuna ħolistika fi proċess li se jkun qed jibda mill-mument li l-vittma tirrapporta r-reat u jibqa’ għaddej sa meta l-persuna tkun lesta biex terġa’ toħroġ fis-soċjetà u tkompli bil-ħajja tagħha ta’ kuljum. Dan se jsir grazzi għal ftehim li ġie ffirmat bejn Legal Aid Malta, il-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali (FSWS) u l-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Il-Pulizija ta’ Malta se jkunu responsabbli li joffru l-ewwel sapport lill-vittmi, eżattament meta r-reat ikun ġie rrappurtat lilhom. Dawn filwaqt li jagħtu l-għajnuna neċessarja, se jkunu qed jirreferu lill-vittmi lil Legal Aid Malta.
Min-naħa tagħha din se tkun qed tipprovdi għajnuna legali u tagħrif lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Legal Aid se tkun qed tkopri wkoll l-ispejjeż relatati ma’ din l-għajnuna legali, inkluż ħlas lill-avukati speċjalizzati fis-settur.
L-FSWS se tkun l-aħħar pass għal dawn il-vittmi, fejn wara l-proċess ta’ pulizija u ta’ għajnuna legali, din se tkun qed toffri s-sapport u l-għajnuna tagħha lill-vittmi, bil-għan li dawn il-persuni jkunu kapaċi jerġgħu jintegraw lilhom infushom u maż-żmien anke jkomplu bil-ħajja normali tagħhom fis-soċjetà.
Dan il-MoU ġie ffirmat mis-Sur Bruno Zahra minn Legal Aid Malta, mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS is-Sur Alfred Grixti u mill-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafa.
L-iffirmar ġie ppresedut mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.