Matul Lulju, Malta kompliet tara titjib fuq ix-xahar ta’ qabel fejn tidħol il-produzzjoni industrijali. Fil-fatt il-produzzjoni industrijali f’Lulju żdiedet bi kważi perċentwal u nofs meta mqabbla ma’ Ġunju ta’ din is-sena.
Skont statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, f’Ġunju l-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna kienet -3.8% iżda f’Lulju din tjiebet u ġiet għal -2.5%. Pajjiżna fil-fatt kellu t-tmien l-aħjar rata fost l-istati membri fejn tidħol il-produzzjoni industrijali. L-agħar li marret kienet id-Danimarka fejn il-produzzjoni industrijali f’Lulju f’dan il-pajjiż kien ta’ -13.6%.
Warajha kien hemm il-Ġermanja meqjusa bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa fejn il-produzzjoni industrijali kienet ta’ -11.6%. L-aħjar li marret kienet l-Irlanda. Ir-rata tal-produzzjoni industrijali ta’ Malta kienet tliet darbiet aħjar mill-medja Ewropea u dik taż-żona ewro.
Bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro, il-Gvern naqqas l-ispejjeż għall-fabbriki fejn fost l-oħrajn qed jagħti għajnuna fuq il-kirjiet u spejjeż oħra ta’ taħriġ u tiġdid fil-produzzjoni.
Dan apparti ir-roħs tal-kontijiet tad-dawl għan-negozji, b’ħamsin fil-mija.