Il-qasma u l-firda fil-Partit Nazzjonalista qed tkompli tkun aktar evidenti hekk kif qed tiħrax il-ġlieda bejn iż-żewġ kandidati għal Kap tal-partit wara li fuq il-midja soċjali, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma qagħadx lura u nfexx f’attakk aħrax fuq il-kandidat l-ieħor, Bernard Grech u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li qed timbotta lil Grech biex jitwarrab Delia.
Issa li skont stqarrijiet uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia għadda mill-proċess ta’ due diligence ta’ kummissjoni apposta, Delia ħareġ bir-ragħwa f’ħalqu u qal li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil gidbet fuqu “Qalu li kont ħsilt il-flus. Jien la ħsilt il-flus, la tiegħi u lanqas ta’ ħaddieħor. Dan id-due diligence programm jikkonferma dan kollu.”
Delia reġa’ beda jgħaddi l-botti fil-konfront ta’ Bernard Grech fuq il-pendenzi fi ħlasijiet t’eluf ta’ flus kbar ma’ tat-taxxa u tal-VAT. “Illi minkejja dak kollu li kien qed jingħad jien ħallast u għandi l-pożizzjoni tiegħi mad-dipartiment tat-taxxa li hija kompletament in order jiena ħallast it-taxxa tul ħajti.”
Delia tkellem ukoll dwar l-attakki personali fil-konfront tiegħu mill-elfejn u sbatax ‘l hawn, attakki ġejjin mill-fazzjoni ta’ Busuttil. “Qalu li jien ma kelliex biex nitma’ lill-uliedi. Daħlu anki f’affarijiet personali biex iweġgħu mhux lili biss imma anki lill-familja tiegħi.”
Adrian Delia saħaq li huwa differenti minn Bernard Grech u l-esponenti tal-fazzjoni Busuttil għax hu qatt ma gideb fuq ħadd u dejjem fetaħ il-bieb għal kulħadd. “Imma jien ma gdibt fuq ħadd , ma għalaqt lil bibien lil ħadd. Ma warrabt lil ħadd.”