L-ittra li biha l-General Napuljun Bonaparte ordna lill-General Desaix sabiex jinvadi lil Malta fl-elf seba’ mija tmienja u disgħin issa tinsab f’pajjiżna. Din l-ittra ffirmata minn Bonaparte nxtrat mill-aġenzija Heritage Malta f’Lulju li għadda, għas-somma ta’ sittin elf ewro.
F’din l-ittra, Napuljun qal lil General Desaix li kellu f’idejh l-art tal-Papa u qallu sabiex qabel ma jmorru lejn l-Eġittu jinvadu lil Malta. Il-General Franċiż, li ftit snin wara sar Imperatur qal lil Desaix sabiex jiltaqgħu Sirakuża u ordnalu wkoll sabiex ma jattakkax lill-Ingliżi fuq il-baħar, għaliex dawn tal-aħħar kienu qed iħufu fil-Mediterran.
Din l-ittra ġiet ppreżentata waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Josè Herrera. Il-Ministru Herrera qal kif permezz ta’ din l-ittra u akkwisti oħrajn qed tisaħħaħ l-Kollezzjoni Nazzjonali.
“Jien naħseb dan huwa wieħed mill-aktar dokumenti ta’ valur patrimonjali li Malta qatt irnexxiela takkwista. Dan huwa dokument li niskanta kif għadu jeżisti għax kien fil-privat, li juri l-ordni diretta ta’ Napuljun biex il-Franċiżi jinvadu lil Malta u jkeċċu lill-Kavallieri.”
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar qal kif din l-aġenzija qed tgħaqqad l-identitá Maltija.
“Hija turija wkoll ta’ xejra ġdida li Heritage Malta qed tieħu. Jiġifieri xejra li mhux biss tieħu ħsieb l-mużewijiet, li tieħu ħsieb il-mużewijiet u l-kollezzjoni nazzjonali, imma Heritage Malta takkwista artifatti, oġġetti li permezz tagħhom tkun tista ttejjeb il-kollezzjoni nazzjonali”
Cutajar qal kif din l-ittra se tkun qed titgawda mill-pubbliku Malti u Għawdxi, fil-ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku.